Fl-Awstralja klieb qed jiġu mħarrġa biex jinterċettaw persuni pożittivi għall-Covid-19

Reuters

Read in English.

Fl-Awstralja, klieb qed jiġu mħarrġa biex permezz tax-xamm jindunaw b’persuni pożittivi għall-Covid-19. Rapporti fil-Awstralja spjegaw li dawn il-klieb jista’ jkun li jkollhom il-kapaċità li jxommu persuni li huma pożittivi għall-coronavirus qabel mat-test juri li huma pożittivi.

Dawn il-klieb qed jiġu mgħallma kif minn riħa speċifika fil-ġisem jindunaw li persuna hija pozittiva għall-coronavirus. Dan se jkun qed jgħin lill-Awtoritajiet Awstraljani biex jinterċettaw dawn il-persuni sabiex ikun jista’ jsirilhom l-iswab test. Huwa maħsub li dan is-servizz jibda fil-bidu tal-2021 fuq passiġġieri li jkun qed jaslu fl-Awstralja.

Ir-riċerkatriċi Susan Hazel mill-Università ta’ Adelaide qalet li t-taħriġ ingħata lil dawn il-klieb u l-pass li jmiss huwa li dawn il-klieb jibdew is-servizz tagħhom fl-ajruporti. Żiedet li wieħed jista’ jkun jaf bis-suċċess ta’ dan it-taħriġ jekk il-klieb jibdew jaqbdu persuni pożittiv għall-Covid-19 mingħajr il-ħtieġa ta’ testijiet oħra. Hazel żiedet li l-klieb irnexxielhom jinterċettaw każ pożittiv wara li l-ewwel swab test irrżulta negattiv.