Fl-Awstralja: 70 persuna arrestati għax ipprotestaw kontra l-lockdown

Aktar minn 70 persuna ġew arrestati f’Melbourne fl-Awstralja wara li injoraw l-ordni li jibqgħu d-dar biex jipprotestaw kontra l-lockdown.

Kienu madwar 250 l-persuni li attendew għall-protesta illegali – it-tieni waħda tat-tip tagħha fi tmiem din il-ġimgħa.

Il-Pulizija fl-Awstralja qalet li għadd ta’ demostranti kienu aggressivi u heddewhom bi vjolenza.

Id-demostrazzjonijiet qed isiru minkejja li l-istat ta’ Victoria qed jipprepara biex inaqqas ir-restrizzjonijiet tal-lockdown, li ilhom effettivi mill-bidu ta’ Lulju.

Victoria kienet fl-epiċentru tal-pandemija fl-Awstralja. 75% tal-każi u 90% tal-imwiet fil-kontinent ħarġu minn dan l-istat.