Fl-Awstralja raġel attakkat minn kukkudrill

Fl-Awstralja, l-pulizija qed tfittex raġel li kien attakkat minn kukkudrill waqt li kien qed jgħum fi xmara magħufa għal popolazzjoni kbira ta’ kukkudrilli.

Jidher li r-raġel niżel jgħum flimkien ma’ żewġ persuni oħra fix-xmara li tinsab madwar 100 kilometru l-bogħod mill-Belt ta’ Darwin. Huma kienu qed jgħumu lura wara li qasmu x-xmara, meta l-kukkudrill attakka lir-raġel.

Xhieda li kienu fuq il-post qalu li l-aħħar li raw lir-raġel kien qed jiġi attakkat mill-kukkudril. Ftit tal-ħin wara ma rawhx iżjed.

Pulizija qalu li l-irġiel injoraw numru ta’ tabelli li jinsabu viċin tax-xmara biex ħadd ma jinżel jgħum fiha.

Il-kukkudrilli li jitrabbew f’baħar mielaħ jikbru sa 7 metri u jiżnu iżjed minn tunnellata u huma komuni ħafna fit-tramuntana tal-Awstralja.