Fl-Artiku; jsibu partiċelli tal-plastik fil-borra

Skont studju li sar fl-Artiku, irriżulta li mal-borra qed jinżlu partiċelli mikroskopiċi ta’ plastik. Ix-xjentisti qalu li kienu maħsuda bl-ammont ta’ partiċelli li sabu. Kien hemm aktar minn 10,000 partiċella għal kull litru borra.

Dan ifisser li anka fl-Artiku, in-nies qed idaħħlu fis-sistema tagħhom partiċelli tal-plastik mingħajr ma jafu. Iżda l-effett li jista’ jkollu dan fuq is-saħħa tal-bniedem għadu mhux magħruf. L-Artiku ta’ sikwit jidher bħala wieħed mill-aħħar postijiet fid-dinja fejn hemm ambjent verġni.

It-tim ta’ xjentisti magħmul minn Ġermaniżi u Żvizzeri ippublikaw l-istudju tagħhom fil-Ġurnal tal-Avvanzi tax-Xjenza. Ix-xjentisti sabu wkoll partiċelli tal-gomma fil-borra.