Fl-Arġentina: Difiża għat-trabi fil-ġuf

Għalkemm osservaturi jsostnu li l-liġi biex tillegalizza l-abort mhux se ssib appoġġ biżżejjed fil-Kungress Arġentin, l-Isqfijiet qed iħeġġu lil-lajċi biex jipparteċipaw fid-dibattitu nazzjonali li hu għaddej bħalissa u jagħtu xhieda li huma favur il-ħajja fir-rallies li qed ikunu organizzati mal-pajjiż kollu.
Il-liġi li qed tkun diskussa bħalissa fis-Senat iġġiegħel lill-isptarijiet pubbliċi jwettqu aborti fuq tfal sa 13-il sena mingħajr il-kunsens tal-ġenituri tat-tfajla jew missier it-tarbija mhux mitwielda.  Din hi l-ewwel liġi tal-abort li qed titressaq fl-aħħar 12-il sena.
Kull 25 ta’ Marzu, festa tal-Annunzjata, disa’ xhur qabel il-Milied – meta l-Insara jemmnu li l-Madonna kkonċepiet lil Ġesù – fl-Arġentina jitfakkar “Il-Jum Nazzjonali tat-Tarbija mhux Mitwielda”.
Din is-sena dan ħabat ilbieraħ, Ħadd il-Palm. Għal din l-okkażjoni l-Isqfijiet ħeġġew lill-Insara biex iwaħħlu messaġġ mal-friegħi taż-żebbuġ, li jgħid: “Kull Ħajja Tgħodd”.
Ħadd il-Palm hu l-bidu ta’ ġimgħa li matulha n-Nisrani jikkontempla l-misteru tal-ħajja, manifestat fi Kristu Rxoxt.
“Aħna msejħa biex nipparteċipaw f’dan il-misteru u nikkommettu ruħna favur tiegħu,” qalu l-Isqfijiet. Huma ħeġġew lil kull parroċċa biex tipparteċipa f’din il-kampanja bħala ġest li jesprimi x-xewqa tagħna li “nieħdu ħsieb u nirrispettaw il-ħajja bħala rigal”.
L-Isqfijiet esprimew l-appoġġ sħiħ tagħhom lil dawk il-lajċi li qed jipparteċipaw fil-laqgħat  organizzati fil-pajjiż kollu “li jestenduna biex nuru d-difiża tagħna għall-ħajja ta’ dawk li għadhom ma tweldux”.
Il-Kappillani kienu mitluba li jgħidu talba speċjali lill-fidili li tinkludi intenzjonijiet għall-protezzjoni tat-trabi mhux mitwielda u l-ommijiet li qed jistennew tarbija li jistgħu jkunu “weħidhom u mfixkla bit-tqala tagħhom”.
F’dawn l-aħħar jiem, f’żewġ okkażjonijiet differenti, Franġisku għamel riferenzi għad-dibattitu dwar l-abort, darba f’ittra u darb’oħra fil-ftuħ tal-laqgħa taż-Żgħażagħ bi preparazzjoni għas-Sinodu li saret f’Ruma.
F’din il-laqgħa l-Papa fakkar f’laqgħa li kien attenda għaliha meta żar il-Paragwaj fl-2015 fejn kien sar dibattitu dwar it-tqala fl-adoloxxenti.
“Ngħidilkom li anqas fis-Senat tal-Arġentina ma smajt riflessjoni sbieħ daqs kemm għamlu ż-żagħżagħ fil-Paragwaj għax dawk kienu mgħallma biex jaħsbu b’mod korrett, kemm f’qalbhom kif ukoll b’moħħhom”, sostna l-Papa Franġisku.