Ajruplan jiskidja u jispiċċa fi xmara; “Tal-biża’, ma konniex nafu aħniex fi xmara jew f’oċean”

Aktar minn 100 passiġġier ġew evakwati tul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt wara li l-ajruplan li kienu fuqu skidja minn fuq ir-runway u baqa’ nieżel fix-xmara St Johns ġewwa Jacksonville.

L-ajruplan kummerċjali kien għadu kemm wasal mill-Istazzjon Navali fi Guantanamo Bay. It-total ta’ 143 passiġġier kienu abbord, b’136 persuna passiġġiera u seba’ oħra membri tal-ekwipaġġ. 21 minnhom ittieħdu fi sptarijiet viċin l-ajruport, iżda kulħadd kien jinsab f’kundizzjoni tajba.

Is-Sindku ta’ Jacksonville, Lenny Curry, qal fuq Twitter li l-President Amerikan Donald Trump ċempillu biex joffri l-għajnuna.

Cheryl Bormann, avukatessa li kienet abbord l-ajruplan, qalet lis-CNN li t-titjira telqet 4 sigħat tard u kien mument tal-biża’ ħafna huma u neżlin l-art, peress li kien hemm is-sajjetti u l-beraq. “Inżilna, l-ajruplan letteralment miss mal-art u reġa’ tela’ ‘l fuq. Kienet ċara li l-bdot ma kellux kontroll totali tal-ajruplan. Reġa’ ħabat mal-art u qomos ‘il fuq,” qalet Bormann. Qalet ukoll li ħabtet rasha mal-mejda tal-plastik li kien hemm quddiemha. “Konna fl-ilma u ma konniex nafu konniex fi xmara jew fl-oċean.”