Fl-Amerika: Qorti ċċanfar lill-Gvern għax irid iwaqqa’ l-każ ta’ Ali Sadr

Ali Sadr

Read in English.

Imħallef fil-Qorti ta’ New York ċanfret lill-prosekuturi tal-Istati Uniti u allegat li potenzjalment qed iżommu l-evidenza kontra l-eks Chairman ta’ Pilatus Bank Ali Sadr Hashemi Nejad. Ali Sadr kien qed jaffaċċja piena ta’ 125 sena ħabs fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus u li ma segwiex is-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Veneżwela.

Nhar it-Tlieta, fl-istqarrija li hija meqjusa bħala ordni lill-prosekuturi nhar, l-Imħallef Distrettwali Amerikan Alison J. Nathan qalet li l-każ qajjem “tħassib serju dwar l-imġieba tal-Gvern” lejn l-akkużat Ali Sadr.

Nhar il-Ġimgħa fil-qorti Amerikana, il-prosekuturi talbu lill-imħallef permess biex iwaqqgħu l-każ minħabba litigazzjoni fuq evidenza li tinżamm privata. Stqarrew li minħabba r-riżorsi meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha tal-evidenza, ma jkunx fl-interess tal-ġustizzja li l-każ jibqa’ jiġi segwit.

Din it-talba tal-Gvern Amerikan biex twaqqa’ l-każ kontra ċ-ċittadin Iranjan qed titqies bħala bidla mhux tas-soltu minħabba li f’Marzu li għadda, Ali Sadr kien instab ħati bi frodi bankarja b’rabta mal-allegat rwol tiegħu fi skema biex imexxi $115 miljun dollaru Amerikan mis-sistema finanzjarja tal-Istati Uniti minħabba proġett ta’ kostruzzjoni fil-Venezwela.

Dakinhar, l-Avukat tal-Istati Uniti Geoffrey Berman faħħar ix-xogħol tal-uffiċjali li sabu lil Ali Sadr ħati u qal fi stqarrija li dan il-każ juri li “s-sanzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Uniti kontra l-Iran huma reali, u li dawk li jiksruhom se jiġu esposti u mħarrka.”

Iżda l-Ġimgħa Berman bidel il-ħsieb u qal li kien hemm kwistjonijiet relatati ma nuqqas ta’ qbil tal-provi li ġew żvelati kemm qabel, matul u wara l-proċess li biddel id-difiża ta’ Ali Sadr. Minħabba dan huwa qal li l-Gvern “iddetermina li ma jkunx fl-interess tal-ġustizzja li jkompli l-kawża ta’ dan il-każ.”

Fi tweġiba għat-talba, l-Imħallef Alison Nathan nhar it-Tlieta ċanfret lil Berman talli qed ireġġa lura l-każ f’daqqa. F’memo ta’ 9 punti, hija ordnat lill-prosekuturi biex jidentifikaw l-evidenza kollha li potenzjalment ma nżammitx, liema avukati kienu involuti fl-investigazzjoni u jekk kienx hemm imġiba ħażina.

Hija tat lill-Gvern għaxart ijiem ċans biex jirrispondi sal-Ħamis li ġej.

Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet qed tinvestiga lil Ali Sadr. Hija kienet ukoll stħarrġet tixħim li potenzjalment għadda mill-bank Pilatus. Dakinhar li l-Gvern Amerikan talab biex iwaqqa’ l-każ ta’ Ali Sadr fl-Istati Uniti, il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia talbet li jiġi estradit biex jaffaċċja l-ġustizzja f’Malta.