Fl-ajruport ta’ Ħelsinki qed jintużaw klieb biex isibu l-virus fil-passiġġieri

Ajruport fil-Finlandja qed juża klieb li huma mħarrġa biex ixommu lil passiġġieri li għandhom il-virus tal-CoVid-19.

L-Ajruport ta’ Ħelsinki qed jipprova l-iskema fejn 10 klieb imħarrġa mill-organizzazzjoni Wise Nose, aġenzija li tispeċjalizza fix-xamm, b’erba’ klieb jaħdmu fuq kull xift.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara studju mill-Fakultà Veterinarja tal-Università ta’ Ħelsinki, li ssuġġerixxa li klieb imħarrġa jistgħu jinnutaw il-COVID-19 b’ċertezza ta’ kważi 100%.

Finavia, l-operatur tal-ajruport Finlandiż, qal “Aħna fost il-pijonieri. Safejn nafu aħna l-ebda ajruport ieħor ma pprova juża s-sistema ta’ detezzjoni ta’ rwejjaħ mill-klieb fuq skala daqshekk wiesgħa kontra l-COVID-19. Dan jista’ jkun pass importanti ‘l quddiem fil-ġlieda kontra l- COVID-19.”

Imma dan ma jfissirx li l-passiġġieri jistgħu jilgħabu ma’ xi ġeru ħelu – m’hemm l-ebda kuntatt dirett bejn il-passiġġieri u l-klieb. Dawk li jiġu nnutati mill-klieb se jkollhom jieħdu test konvenzjonali sabiex ikun żgurat li l-annimali ma għamlux żball.

Wieħed mill-klieb, greyhound mix ta’ tmien snin li jismu Kossi, tgħallem kif jidentifika r-riħa f’seba’ minuti.

Taħt l-iskema l-passiġġieri jridu jimsħu l-ġilda tagħhom b’wipe, li mbagħad titpoġġa f’tazza li tingħata lill-klieb li jikkontrollawha f’kamra separata, biex b’hekk tiġi protetta l-anonimità tal-passiġġieri u wkoll biex jiġu protetti dawk li jieħdu ħsieb lill-klieb.

Kull min jirriżulta pożittiv imbagħad jintbagħat f’punt ta’ informazzjoni fl-ajruport.

Il-Finlandja rrappurtat 9,195 każ ta’ COVID-19 u 341 persuna tilfu ħajjithom, skont l-Università ta’ Johns Hopkins li qed tintraċċa l-imxija tal-virus.

Fir-Renju Unit, l-organizzazzjoni Medical Detection Dogs qed torganizza programm biex tara jekk tistax tħejji klieb biex ikunu jistgħu jxommu l-coronavirus.

L-iskema qed tiġi organizzata mal-London School of Hygiene and Tropical Medicine u mal-Università ta’ Durham, b’fondi mill-gvern u anke mill-pubbliku.