“Fl-aħħar wasalna d-dar”; Nas u Alyne jaslu Malta qawwijin u sħaħ

Nas Daily u t-tfajla tiegħu Alyne Tamir waslu Malta qawwijin u sħaħ wara li kellhom xi problemi f’Barċellona fejn Alyne saħansitra ġiet immanettjata.

F’filmat li xerred fuq Instagram, Nas qal li wasal id-dar, it-tieni dar tiegħu. Alyne ħabbret fuq il-profil tagħha ta’ Instagram li huma waslu Malta għall-ħabta tas-1pm ilbieraħ, fejn intlaqgħu tajjeb tant li bagħtu karozza għalihom ħdejn l-ajruplan.

Hija qalet ukoll li għandha filmati ta’ dak li ġara, imma ma tixtieqx li taqsamhom mal-pubbliku, għax huma diżgustanti, u qishom film tal-biża’.

Fil-blogg tagħha, Alyne Tamir qalet li ġiet aggredita minn uffiċjali tas-sigurtà fl-ajruport. Qalet li uffiċjal żagħżugħ u mara ta’ età akbar imbuttawha u tefgħuha mal-art. Insistiet li ma kinitx armata u li qatt ma missithom. Tamir kitbet li spiċċaw iqattgħu lejlet l-Ewwel tas-Sena f’lukanda tal-ajruport minflok f’lukanda lussuża f’Malta. Qalet li huwa ta’ dispjaċir li ma setgħetx tqatta’ dan il-lejl f’Malta fejn tħossha aktar sigura. 

Riċentament, il-blogger li jdur id-dinja, Nas Daily ikkonferma li se jispiċċa t-tour dinji tiegħu f’Malta u għal dan qed jistieden 1,000 Malti fil-Belt Valletta.