Fl-aħħar tax-xahar tagħlaq ir-reviżjoni tar-reġistru elettorali

Fit-30 ta’ Settembru li ġej tagħlaq id-data għar-reviżjoni tar-Reġistru Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.
Il-persuni kollha ta’ nazzjonalità Maltija li għandhom iktar minn 18-il sena u li isimhom ma jidhirx fir-Reġistru Elettorali ppubblikat f’April tal-2014, u li għadhom ma applikawx għar-reġistrazzjoni bħala votanti, għandhom japplikaw kemm-il darba jkollhom il-kwalifiki neċessarji. 
Formoli tal-applikazzjoni jinkisbu mill-Għases tal-Pulizija, mill-Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali u mill-Uffiċċju Elettorali.  Dawn il-formoli jistgħu jitniżżlu wkoll mill-websajt www.electoral.gov.mt
Minn jixtieq japplika għar-reġistrazzjoni bħala votant jew għal xi korrezzjoni fid-dettalji tar-reġistru, għandhom japplikaw għall-karta tal-identità elettronika fl-Uffiċċju tal-E-ID Cards, f’Gattard House ta’ Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda jew inkella mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità ta’ Għawdex. 
L-applikazzjonijiet jistgħu jittieħdu fl-Uffiċċju tal-Kummisjoni Elettorali li qiegħda f’Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta, fl-uffiċċju t’Għawdex, fl-għases tal-pulizija jew jintbagħtu bil-posta lill-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali.