Fl-aħħar ta’ Ottubru għal Kastilja minħabba l-Miżieb

Sit-in-protest

Read in English.

Il-koalizzjoni ta’ aktar minn 60 NGO u għaqda, Spazji Miftuħa, se torganizza protesta bid-distanza soċjali nhar is-Sibt 31 ta’ Ottubru 2020 fl-10am quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja.

Fi stqarrija mibgħuta mill-Birdlife f’isem Spażji Miftuħa ntqal li n-nies huma rrabjati għall-mod kif il-Gvern qed jittratta l-patrimonju naturali u kulturali ta’ Malta u Għawdex.

Ġie spjegat li l-koalizzjoni ma tistax tlaħħaq mar-rispons tal-pubbliku ġenerali b’aktar minn 30,000 persuna li ffirmaw il-petizzjoni onlajn.

Fuq 103 Malta’s Heart, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li jifhem ir-rabja li qed iħossu n-nies fuq il-ftehim mal-FKNK fuq l-għoti tal-art tal-Miżieb u l-Aħrax, iżda huwa kommess li jkun hawn aktar żoni pubbliċi f’Malta.

Wara l-iffirmar tal-ftehim tal-Miżieb u l-Aħrax bejn il-Gvern u l-lobby tal-kaċċaturi li sar wara bibien magħluqa, il-koalizzjoni diġà ressqet protest ġudizzjarju u qed tesplora l-possibbiltà li tiftaħ kawża fil-qorti biex tisfida din id-deċiżjoni.

Sadanittant, il-koalizzjoni qed titlob lil dawk li jappoġġjawha flimkien ma’ dawk kollha li japprezzaw in-natura, il-kultura u l-ispazji miftuħa, biex jingħaqdu magħha għall-protesta paċifika fil-Belt Valletta.

Fuq Facebook, ħeġġew lil kulħadd biex iġib miegħu kartelluni jew sinjali oħra bil-messaġġi personali tiegħu.