Hekk kif ninsabu sitt xhur bogħod mill-jum tal-Milied bdew il-preparazzjonijiet għall-ħames album ta’ Ħelu Bambin. Il-kantanti Nicole Vella u Miriam Christine huma fost tal-ewwel li ppublikaw ritratti fl-istudjow ta’ Andrew Zammit fejn preżenti kien hemm ukoll Fr George Ocar Buttigieg, il-moħħ wara dan il-proġett.
Ħelu Bambin 5 hu ġabra oħra ta’ kanzunetti popolari internazzjonali tal-Milied iżda li għadhom qatt ma saru bil-Malti, għalhekk f’din il-ħames kompilazzjoni insibuhom maqluba għal ewwel darba.
Maqluba minn Fr George Ocar Buttigieg, b’arranġamenti ta’ Andrew Zammit u kantati minn kantanti, kemm dawk veterani kif ukoll dawk ġodda mix-xena tal-mużika Maltija. Bħalissa għaddejjin bil-fażi tar-recording tagħhom, fejn wieħed jista’ jsegwihom mill-portali tal-internet ta’ Ħelu Bambin, facebook, twitter u instagram.
Madanakollu, għandu jkun hemm aħbar oħra illi skont l-organiżżaturi ta’ Ħelu Bambin se jħalluna bil-kurżità u fil-ġejjieni qarib ser iħabbrulna din is-sorpriża … imma inħalluha għal aktar il-quddiem.