“Fl-aħħar kelli panċer; imnalla kienet id-dinamika tat-tim”

Iċ-Ċampjin Nazzjonali tal-mountain bike Maurice Formosa u ċ-ċiklista t’esperjenza Patrick Scicluna taw prestazzjoni determinata fit-tielet edizzjoni tat-Etna Marathon Tour, tellieqa iebsa maqsuma fuq ħames stadji fit-terren iebes tal-Etna fi Sqallija.  It-tellieqa kienet tikkonsisti f’265 kilometru.

Formosa u Scicluna rebħu l-Kategorija Masters 2 fejn kellhom kompetizzjoni qawwija minn timijiet Taljani, Franċiżi u Belġjani.

Bidu promettenti għal Formosa u Scicluna awgura tajjeb meta rebħu t-time trial ta’ 22 kilometru li kienet ibbażata fuq tlajja’ biss.  B’din ir-rebħa, id-duo Malti ħadu l-‘Leaders’ Jersey’ fl-ewwel ġurnata tal-kompetizzjonijiet.

“Din it-tip ta’ kompetizzjoni hija ferm bla mistrieħ – apparti s-sħana, it-terren huwa iebes – mogħdijiet fejn wieħed biss jista’ jgħaddi,  ħamrija vulkanika, tlugħ iebes u nżul tekniku – l-isforz irid jiġi rduppjat meta mqabbel maċ-ċikliżmu fit-triq”, spjega Patrick Scicluna.

“Id-dinamika bejn il-membri tat-tim huwa essenzjali f’din it-tip ta’ kompetizzjoni, peress li t-tim irid jibqa’ flimkien il-ħin kollu – dan ċertament għen meta fl-aħħar ftit tat-tellieqa kelli panċer u fejn il-ħin kien determinati “, stqarr Maurice Formosa.

Fil-kategoriji l-oħra, it-timijiet Maltin taw prestazzjonijiet tajba, speċjalment meta wieħed iqis in-numru ta’ timijiet professjonali li kienu qegħdin jieħdu sehem. Fil-kategorija Mixed, id-duo Mark Bonnici u Marie Claire Aquilina taw prestazzjoni tajba li wasslet sabiex joqorbu lejn it-tieni post fil-biċċa l-kbira tal-istadji, madankollu kwistjonijiet tekniċi li seħħu kważi f’kull stadju raw lil Bonnici u Aquilina jikkuntentaw bit-tielet post.

Malta kienet irrappreżentata f’żewġ kategoriji oħra li kienu magħmula minn Brandon Sultana u Andre Meewusen (Irġiel) u Anton Muscat u Clive Ebejer (Masters 1).