Fl-aħħar jiem niżlet 20% tax-xita li tagħmel matul is-sena

MTCP

L-ammont ta’ xita li niżlet fl-aħħar jiem tammonta għall kważi 20% tax-xita li tinżel matul is-sena.

Dan tħabbar waqt iż-żjara tal-Ministru tat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista f’Wied il-Ħesri s-Siġġiewi. F’dan il-Wied saret ħidma tal-Valley Management Unit fi ħdan Parks Malta flimkien mad-Diviżjoni tal-Manutenzjoni u t-Tindif.  

Permezz tal-ħidma li saret l-ilma tax-xita għadda aktar komdu mill-widien mingħajr ma saret ħsara fl-għelieqi tal-madwar. Il-ħidma li saret f’dawn il-widien tneħħa diversi materjal u numru ta’ pjanti u speċi invażivi li akkumulaw fil-widien fuq firxa ta’ 10,000 metru kwadru. Dan sar sabiex tittejjeb il-mixja tal-ilma. Minn dan il-wied tneħħew ukoll madwar 100 tunnellata ta’ skart fosthom dak domestiku u tal-kostruzzjoni li ntremew b’mod illegali kif ukoll tneħħa sediment minn 25,000 metru kwadru ta’ widien.

Il-Ministru Farrugia Portelliu spjegat li l-ħidma hija parti mill-masterplan ta’ €17-il miljun li tħabbar f’Lulju li għadda. Dan il-masterplan jistħarreġ fost oħrajn kemm jinġabar ilma mill-widien, u se ssir konsultazzjoni ma’ numru ta’ stakeholders li jinkludu kunsilli lokali, aġenziji, għaqdiet mhux governattivi u bdiewa, bl-għan li jikkontribwixxu l-fehmiet tagħhom fuq dan il-proġett tant bżonjuż.

F’din iż-żjara l-Ministru qalet li fl-aħħar sentejn u nofs tħawlu madwar 500 siġra f’Wied Ħessri. Matul din is-sena tħawlu madwar 200 siġra oħra fil-widien u se jkomplu jitħawlu aktar siġar fiż-żmien li ġej.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista qal li d-Diviżjoni naddfet mal-5,000 fossa tad-drenaġġ, 464 passaġġ tal-ilma, mas-6,000 metru ta’ culverts u rranġat mal-256 slabbed pit.

Debattista qal li d-diviżjoni kienet impenjata biex fl-aħħar jiem tnaddaf diversi toroq mill-ħmieġ u d-debris li ħolqu l-maltempati u li setgħu kienu ta’ periklu għas-sewwieqa u min juża t-toroq.