Fl-aħħar ġimgħat 900 karozza twaqqfu mill-Korp

Fl-aħħar ġimgħat twaqqfu madwar 900 vettura. Skont stqarrija maħruġa mill-Korp tal-Pulizija, taqsimiet mill-Korp komplew b’ħidmiethom fejn jidħol kontroll fit-toroq Maltin. Dawn tmexxew mill-Pulizija tad-Distrett u kienu assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, mis-Sezzjoni tal-Klieb, tal-Garaxx, flimkien ma’ membri tal-Forzi Armati.  

Skont l-istqarrija fl-ewwel kontrolli li saru l-ġimgħa l-oħra f’Ħal Qormi, fost numru ta’ vetturi li twaqqfu kien hemm:

  • Sewwieq li nqabad isuq f’ħin li mhux suppost kien qiegħed barra skont kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.
  • Sewwieq li kif induna bil-kontroll ipprova idawwar biex jitlaq minn fuq il-post, iżda ma nstab xejn illegali fuqu.
  • Twaqqfet vettura wara li ġie nnutat li x-xufier deher jarmi xi ħaġa barra mit-tieqa. Saret tfittxija fuqu u nstabet borża b’suspettat ta’ ħaxixa tal-cannabis fiha u oġġetti oħra relatati mal-użu tad-droga.  
  • F’vetttura oħra nstabet blokka suspettata cannabis u waqt tfittxija fil-handbag tal-passiġġiera nstabet sustanza suspettata eroina u ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti.

Diversi vetturi oħra twaqqfu minħabba suspett ta’ ksur tar-regolamenti tat-traffiku.

Kull min inqabad jikser il-liġi, se jkunu qed jinħarġu akkużi fil-konfront tagħhom.