“Fl-4 ta’ Awwissu konna dfinna lil ommi”

“Id-data tal-4 ta’ Awwissu hija importanti ħafna għalija għax f’dik id-data kont għamilt l-ewwel quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem. Għażilta għax kienet il-festa tal-Kurat ta’ Ars. Kien fl-4 ta’ Awwissu wkoll meta konna għamilna l-funeral ta’ ommi”.

Hekk beda jwieġeb l-Isqof Awżiljarju Elett Mons. Joseph Galea Curmi għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar għaliex għażel l-4 ta’ Awwissu għall-ordinazzjoni episkopali tiegħu. Huwa qal ukoll li ried isib data fejn l-Arċisqof Scicluna, li se jmexxi l-konċelebrazzjoni, l-Isqof Mario Grech u l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona jkunu t-tlieta Malta.

Newsbook.com.mt staqsa wkoll dwar id-disinn li se jintuża fuq l-inviti għall-ordinazzjoni. Id-disinn li juri lil Kristu jaħsel saqajn l-appostli hu xogħol l-artist John Martin Borg.

L-Isqof Awżiljarju Elett qal li d-disinn huwa marbut “mal-Evanġelju li għażilt għall-quddiesa tal-Ordinazzjoni nhar l-4 ta’ Awwissu 2018. Dan huwa l-istess Evanġelju li kont għażilt għall-quddiesa ta’ ringrazzjament (Prima Messa) nhar l-4 ta’ Awwissu 1991.”

Huwa żied jgħid li għażel “din l-immaġni għax naraha tesprimi b’mod sabiħ ħafna b’liema spirtu għandi ngħix din il-missjoni ġdida, kif Ġesù qal lit-tnax: ‘kif għamilt jien, hekk għamlu intom ukoll’. Tfisser ukoll b’mod ċar il-motto li għażilt: ‘Għożż il-ħajja bl-imħabba’.