Fl-2022 se jsir Sinodu ieħor tal-Isqfijiet

Il-Papa Franġisku f'waħda mil-laqgħat tas-Sinodu. (Vatican Media)

F’laqgħa tas-Segretarjat tas-Sinodu tal-Isqfijiet, il-Papa Franġisku ddeċieda li fil-Ħarifa tal-2022 issir is-16 Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet.  It-tema tasl-Sinodu għad trid tkun deċiża mill-Papa nnifsu li jagħżel waħda minn tliet temi proposti lilu.

F’nota tas-Segretarjat intqal li dan is-Sinodu għandu jassigura “involviment akbar” tal-Knisja kollha fil-preparazzjoni u ċċelebrazzjoni ta’din il-laqgħa.

Il-Papa Franġisku ddeċieda ż-żmien għal dan is-Sinodu waqt li kien qed jippresiedi sessjoni tal-laqgħa tal-Kunsill Ordinarju tas-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodi li saret aktar kmieni dan ix-xahar.

Suġġetti fuq l-aġenda

Fil-laqgħa kienu suġġeriti lill-Qdusija Tiegħu tliet temi li jistgħu jkunu diskussi waqt is-Sinodu. Fil-laqgħa kienu diskussi suġġetti oħra, fosthom il-passi li ttieħdu wara s-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ li sar fl-2018 u l-‘feedback’ li kien hemm fuq l-Eżortazzjoni Apostolika “Christus Vivit” li ħarġet wara dak is-Sinodu.

Barra mit-tliet temi suġġeriti għas-Sinodu li jmiss, fil-laqgħa kien innutat li “hemm bżonn urġenti wkoll li tintwera solidarjetà ma ħutna nvoluti fid-drama tal-emigrazzjoni furzata”.

Il-laqgħa bdiet billi l-Kardinal Lorenzo Baldisseri, Segretarju Ġenerali tas-Segretarjat tas-Sinodu tal-Isqfijiet, ħabbar li wara li l-Kardinal tal-Filippini, Luis Antonio Tagle, inħatar Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Evanġeliżazzjoni tal-Popli, il-Karinal tal-Pakista Joseph Coutts, se jieħu postu fil-Kunsill Ordinarju tas-Sinodu.

 L-istess Kardinal Baldisseri ppreżenta r-riżultati tal-konsultazzjonijiet li saru s-sena li għaddiet mill-Uffiċċju tiegħu mal-Konferenzi Episkopali dwar temi biex ikunu diskussi fis-Sinodu li jmiss. Il-konsultazzjonijiet saru wkoll mal-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant, id-Dikasteri kollha tal-Kurja Rumana u mal-Union tas-Superjuri Ġenerali  tal-Kongregazzjonijiet Reliġjużi.

Il-Kardinal Kevin Joseph Farrell, Prefett tad-Dikasteru għal-Lajċi, l-Familja u l-Ħajja ippreżenta wkoll rapport tal-attivitajiet li saru wara s-Sinodu, li t-Taqsima taż-Żgħażagġ tad-Dikasteru tiegħu kienet qed torganizza biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-Eżortazzjoni Apostolika “Christus Vivit”.