Fl-2021 il-festa ta’ San Pawl Nawfragu se ssir fuq skala iżgħar

Photo by: Carl Farrugia

Tħabbar li l-festa ta’ San Pawl Nawfragu għas-sena d-dieħla, jiġifieri, l-2021, se tkun qed issir fuq skala iżgħar mis-soltu. Permezz ta’ stqarrija konġunta bejn il-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta u l-għaqda tal-Pawlini ngħad li dan qed isir biex isegwu b’responsabbiltà d-direttivi tal-ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa maħruġa mill-Kurja tal-Arċisqof b’rispons għall-pandemija COVID-19.

Għaldaqstant ġie deċiż li l-Festa ta’ San Pawl tkun iċċelebrata bi preparazzjoni spiritwali fil-knisja, u bil-Pontifikal li se jsir fl-10 ta’ Frar 2021 fid-9.30 am , ippresedut mill-Arċisqof Charles Scicluna, bil-preżenza tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, u mxandar fuq it-televiżjoni.

Il-mużika din is-sena, se tkun taħt id-direzzjoni tal-Maestro di Cappella ġdid, Mro Hermann Farrugia Frantz.

Tħabbar wkoll li l-Għaqda tal-Pawlini se tkun responsabbli biex tarma u żżejjen l-inħawi madwar il-knisja, u se torganizza attivitajiet fil-Barrakka ta’ Isfel fid-9 ta’ Frar, u Taħt il-Qanpiena nhar l-10 ta’ Frar filgħaxija, bil-miżuri kollha ta’ ħarsien tas-saħħa hekk kif mitluba mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Is-sehem tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette ser janima l-festa fil-qafas tal-programm ta’ din is-sena.

Il-pellegrinaġġ bil-vara ta’ San Pawl ser ikun differit għall-Ħadd 5 ta’ Settembru 2021.

Fl-istqarrija huma qalu li din qed issir fuq talba tagħhom li sa dakinhar, bis-sehem responsabbli ta’ kulħadd u bil-ħidma tal-awtoritajiet, speċjalment tal-frontliners, din il-pandemija tkun għaddiet u jkunu jistgħu jroddu ħajr lil Alla filwaqt li semmew kif fl-1814 kien sar pellegrinaġġ simili wara l-imxija tal-pesta.