Fl-2020 saru mal-500 tilwima dwar diskriminazzjoni mas-CRPD

Minn Jannar 2020, s’issa saru iktar minn 500 tilwima ta’ diskriminazzjoni mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabiltà. Fost is-setturi li ġew irrapurtati dawn il-każijiet kien hemm il-qasam edukattiv, l-impjiegi, is-saħħa, il-housing, l-għoti ta’ servizzi, kif ukoll problema ta’ aċċessibilità. Minn dawn ir-rapporti iktar minn 60% ġew magħluqa.

Dan ġie spjegat lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà waqt żjara li għamlet fl-uffiċini tas-CRPD f’Birkirkara. Matul din iż-żjara hija kellha l-opportunità li tiltaqa’ mal-ħaddiema fi ħdan il-Kummissjoni, u qalet li sar ħafna xogħol f’dan il-qasam u fadal xi jsir.

Il-Ministru żiedet li madankollu r-riżultati miksubin tul is-snin ikomplu jqanqlu iktar ħeġġa sabiex titkompla l-ħidma għal aktar inklużjoni fil-ħajja ta’ kuljum minn persuni b’diżabiltà. Saħqet li fejn dan ma jkunx possibbli, wieħed irid jaħdem biex ma jkunx hemm ebda forma ta’ żvantaġġ, ebda forma ta’ diskriminazzjoni fil-konfront ta’ persuni b’diżabiltà, f’kull forma li tista’ tkun, għax dawn huma persuni daqs oħrajn. Il-Ministru wiegħdet li se tkun qed naħdem mill-qrib mal-Kummissjoni biex ikun assigurat li xejn ma jxekkel id-drittijiet tal-persuni b’diżabiltà, biex jilħqu l-miri li għandha l-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà hija impenjata li tagħmel lis-soċjetà Maltija waħda inklussiva, b’mod li l-persuni b’diżabiltà jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-aspetti kollha tal-ħajja, billi jgawdu kwalità għolja ta’ ħajja bis-saħħa ta’ opportunitajiet indaqs.

Fit-twettiq ta’ din il-missjoni, il-Kummissjoni taħdem sabiex telimina kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni soċjali diretta jew indiretta kontra l-persuni b’diżabiltà u l-familji tagħhom, filwaqt li tipprovdilhom l-assistenza u l-appoġġ meħtieġ.

Fil-preżent ġiet maħluqa task force li hija magħmula minn akkademiċi, avukati u persuni b’diżabiltà li flimkien qed jaħdmu biex joħolqu l-istrateġija tal-Kummissjoni. Dan jagħti aktar direzzjoni u struttura lill-ħidma tal-Kummissjoni, u jagħmilha aktar faċli biex titqajjem kuxjenza dwarha.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabiltà Oliver Scicluna saħaq li “Kien ta’ pjaċir kbir għalina li llum nilqgħu lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja li ltaqgħet mal-membri tal-istaff, fejn spjegajnilha x-xogħol tagħna. Aħna nkomplu nħarsu ’l quddiem biex nġibu aktar riżultati pożittivi u naħdmu flimkien, biex b’hekk nsaħħu l-ħidma tas-CRPD fir-rwol regolatorju tagħna.”