Fl-2020 nħabbru meta ma jistgħux jidħlu aktar karozzi tal-petrol u diesel – il-Gvern

Read in English.

Il-Ministeru għall-Ambjent qal li fl-ewwel xhur tal-2020 se titħabbar d-data li warajha  l-vetturi l-ġodda f’Malta ma jistgħux ikunu tal-petrol jew diesel.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li l-Ministru għall-Ambjent José Herrera ħatar lill-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Miriam Dalli biex tmexxi l-kummissjoni dwar “il-qalba ta’ Malta lejn l-użu ta’ vetturi li ma jniġġsux.”

Il-Ministeru qal li issa li tħejjew l-istudji preliminari se jingħata bidu għat-tieni fażi tax-xogħol ta’ din il-kummissjoni biex fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla titħabbar id-data finali sa meta l-vetturi l-ġodda f’Malta jridu jkunu vetturi li ma jniġġsux.

Intqal li dan ma jfissirx li min ikollu karozza taħdem bil-petrol jew diesel ikollu jneħħiha, iżda li l-karozzi li jiġu impurtati f’ Malta wara dakinhar ma jkunux iniġġsu.  Skont il-Ministeru, hu stmat li fis-snin li ġejjin il-prezzijiet ta’ dawn il-vetturi se jorħsu drastikament.

Il-Ministru Herrera qal li din il-fażi hija waħda kritika ħafna għal Malta.

L-MEP Miriam Dalli qalet li l-kummissjoni se tipprovdi qafas ta’ kif Malta se tintroduċi vetturi li ma jniġġsux filwaqt li tieħu kunsiderazzjoni tal-aspetti kollha neċessarji, inkluż dawk soċjali, ekonomiċi, ambjentali u infrastrutturali.

“L-impenn tagħna huwa li nkunu ambizzjużi u realistiċi biex nagħmlu bidla li minnha jgawdi kulħadd,” saħqet Miriam Dalli.

Intqal li l-kummissjoni se tkun qed taħdem fuq strateġija ħolistika, bil-għan li tiddentifika l-miżuri u inizjattivi neċessarsji li jridu jiġu implimentati sabiex din il-qalba tkun waħda effettiva. Dan se jsir b’konusltazzjoni sħiħa ma’ entitajiet diversi u msieħba relatati fis-setturi varji. Il-kummissjoni se tkun qed tara li jkun hemm biżżejjed żmien biex is-sewwieqa u n-negozji jippjanaw bla ma jkun hemm piżijiet żejda filwaqt li tkun stabbilita l-infrastruttura meħtieġa.