Fl-2019 jibda x-xogħol fuq 120 triq

MTIP

Fl-2019 se jibda x-xogħol fuq 120 triq madwar Malta skont il-Ministru għat-Trasport Ian Borg.

Fi stqarrija, il-Ministeru għat-Trasport qal li fil-ġimgħat li ġejjin, Infrastructure Malta se tkun qed toħroġ sejħa għall-offerti għall-bini mill-ġdid ta’ madwar 120 triq residenzjali. Qal li dan il-proċess se jitlesta sal-aħħar tas-sena. Dan se jkun parti mill-investiment ta’ €700 miljun li kien wiegħed il-Gvern biex jirranġa t-toroq ta’ Malta.

Borg qal li “dan huwa l-ewwel grupp ta’ toroq residenzjali” li se jkunu qed jinbnew mill-ġdid. Skont Borg tħallew f’telqa totali għal għexieren ta’ snin u qal li kien hemm għadd ta’ toroq li qatt ma kienu mibnija kif suppost.

“Mhux aċċettabbli li għad għandna familji jgħixu f’żoni li ma għandhomx infrastruttura adekwata, speċjalment f’pajjiż bħal tagħna, li qed jgħix progress ekonomiku kbir” saħaq Borg.

Il-Ministru Borg qal dan waqt li kien qed iżur Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq. Din it-triq li ġiet mibnija mill-ġdid b’investiment ta’ €1.8 miljun. Borg irrimarka li ingħatat attenzjoni partikolari lis-sit ta’ dan il-proġett minħabba li ż-żona hija waħda ta’ sinifikat arkeoloġiku. Spjega li t-tħaffir li kien hemm bżonn biex jinbnew il-pedamenti ta’ din it-triq u biex jgħaddu s-servizzi, kellu jsir taħt is-superviżjoni kontinwa ta’ arkeoloġisti. F’ċertu żoni, il-ħaddiema kellhom iħaffru bil-pali u mhux bil-gafef, biex b’hekk jiġi assigurat li fdalijiet storiċi li seta’ kien hemm jiġu protetti. Sitt oqbra antiki u karatteristiċi storiċi oħrajn bħall-cart ruts ġew misjuba waqt li kien qed isir il-proġett u dawn is-sejbiet ġew studjati mis-Sovritendenza tal-Wirt Storiku, fejn ġew speċifikati miżuri li ġew implimentati biex b’hekk dan il-wirt jiġi kkonservat.

Il-Ministru għat-Trasport ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin, se jkun qiegħed jibda proġett ieħor – dak tal-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kuċċard, li tgħaqqad Vjal ix-Xarolla ma’ Ħal Safi u Ħal Kirkop.