“Fl-2018 irridu naċċertaw li ma jkunx hemm taħwid fis-servizzi finanzjarji tal-pajjiż”

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, hu tal-fehma li għas-sena d-dieħla sfida ewlenija għal Malta se tkun li taċċerta li ma jkunx hemm taħwid mhux aċċettabbli fis-servizzi finanzjarji tal-pajjiż.
Fil-messaġġ tiegħu għall-Ewwel tas-Sena mill-Parlament Ewropew, Dr Sant irrefera għall-proposta ta’ pajjiżi Ewropej, speċjalment il-kbar, sabiex ikun hemm dik li qed isejħulha “armonizzazzjoni tat-taxxi”, fi kliem ieħor li jkun hemm rati ta’ taxxi jixxiebhu fl-UE, irrilevanti mill-pajjiż.
Filwaqt li qal li hu fiduċjuż li s-sens komun u r-rieda tajba jirbħu fl-aħħar mill-aħħar, sostna li hu u sħabu se jkomplu jiġġieldu kontra inizjattivi Ewropej maħsuba biex it-taxxi fl-Unjoni Ewropea jitqarrbu lejn xulxin.
Għal dan saħaq li l-organizazzjonijiet li jħarsu lis-servizzi finanzjarji mill-abbuż iridu jkunu msaħħa biex jitnaddfu minn kull abbuż u jkunu trasparenti, għax, skont Sant, bit-trasparenza biss l-informazzjoni dwar min qed iħallas it-taxxi, u kemm qed iħallas taxxa tkun disponibbli għal min irid li jdaħħal dijn l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni.
Tenna li l-istess żarbun ma jistax jidħol f’saqajn Malta u pajjiżi oħra ferm akbar minnha tal-UE, filwaqt li żied jgħid li għal Malta taxxi bħal ta’ Franza jew il-Ġermanja jwaddbu lill-pajjiż lura.
Sant ta wkoll ħarsa lejn l-avvenimenti ewlenin għal Malta fl-2017, fosthom il-Presidenza Ewropea, l-elezzjoni ġenerali u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.