Fl-2017 inqatlu 23 missjunarju

Mhux anqas minn 23 persuna li kienu qed jaħdmu għall-Knisja nqatlu matul l-2017.
Il-maġġoranza tagħhom inqatlu meta twettqu serqiet minn knejjes u postijiet tal-Knisja, bl-akbar numru minnhom imwettqa fin-Niġerja u l-Messiku.
Aġenzija tal-Vatikan qalet li dawn it-23 persuna, li minnhom 13 kienu Saċerdoti, Brother, Soru u tmien lajċi, kellhom mewta vjolenti – ħamsa anqas minn dawk li nqatlu fl-2016 f’diversi postijiet madwa id-dinja.
Kull sena, l-Aġenzija tal-Aħbarijiet tal-Kongregazzjoni għall-Evanġeliżazzjoni tal-Popli – FIDES – tippubblika l-ismijiet ta’ ħaddiema li jmutu b’mod vjolenti.
Minnha jirriżulta li għad-disa’ sena konsekuttiva, il-kontinent Amerikan kien l-aktar wieħed milqut minn vjolenza kontra ħaddiema tal-Knisja.
Is-sena li għaddiet hemm inqatlu 11-il persuna, erba’ minnhom fil-Messiku – il-pajjiż li fih hemm l-akbar numru ta’ qassisin fl-Amerika t’Isfel.
Għaxar ħaddiema pastorali inqatlu fl-Afrika, nofshom fin-Niġerja u tnejn oħra fil-Filippini.
Ir-rapport jgħid li fil-maġġoranza tal-każijiet, dawn inqatlu waqt inċidenti ta’ serq u attakki vjolenti – sinjal ta’ nuqqas ta’ moralità, faqar ekonomiku u faqar kulturali, li magħhom iġibu l-vjolenza.
Kważi fl-ebda każ ma saru investigazzjonijiet mill-awtoritajiet tal-pajjiżi konċernati u allura ma nstabux dawk li kienu responsabbli għal dan il-qtil.
Dawk maqtula huma biss iċ-ċirasa fuq il-kejk.
Dawn ma jinkludux il-mijiet ta’ ħaddiema pastorali li sfaw attakkati, msawta, misruqa jew mhedda, u lanqas il-knejjes li kienu attakkati, vandalizzati u l-oġġetti li nsterqu minnhom.
Ir-rapport jesprimi wkoll tħassib dawr in-numru ta’ qassisin u sorijiet li nħatfu, ħafna drabi minn gruppi estremisti li ħadd ma jaf x’sar minnhom.
Bejn l-2000 u l-2016, 424 pesuna, fosthom ħames Isqfijiet, saċerdoti, sorijiet u missjunarji lajċi, li kienu qed jaqdu dmirhom f’diversi nħawi tad-dinja, sfaw maqtula.