Fl-2016 Malta tipproteġi 1,225 persuna li talbu l-ażil

Matul is-sena li għaddiet Malta tat il-protezzjoni tagħha lil 1,225 persuna li kienu qed ifittxu l-ażil. Minn dawn 545 kienu Libjani, 360 Sirjani u 70 kienu ġejjin mill-Eritrea.
Skont ċifri maħruġa mill-Eurostat, it-28 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea taw protezzjoni lil 710,400 persuna li kienu qed ifittxu l-ażil. Dan ifisser aktar mid-doppju fuq l-ażil mogħti fl-2015.
Is-Sirjani baqgħu l-aktar persuni li ngħataw il-protezzjoni matul is-sena li għaddiet. Fil-fatt 405,600 Sirjan ingħataw il-protezzjoni fost il-pajjiżi membri kollha tal-UE.
Aktar minn 70% ta’ dawn is-Sirjani, ingħataw l-ażil fil-Ġermanja.
Wara s-Sirjani, l-aktar persuni li ngħataw il-protezzjoni kienu ġejjin mill-Iraq (65,800) u mill-Afganistan (61,000).
Il-Ġermanja kien l-aktar pajjiż li ta protezzjoni lil dawk li kienu qed ifittxu l-ażil. Fil-fatt il-Ġermanja tat l-ażil lil 445,210, jiġifieri t-triplu tal-2015.
Wara l-Ġermanja, l-ikbar numru ta’ ażil ingħata fl-Iżvezja, l-Italja, Franza, l-Awstrija u l-Irlanda.
Minn dawn il-persuni kollha li ngħataw l-ażil, 389,670 persuna ngħataw status ta’ refuġjat, 263,775 ingħataw protezzjoni sussidjarja u 56,970 tħallew jibqgħu fil-pajjiżi membri minħabba raġunijiet umanitarji.
Is-sena li għaddiet, mit-total ta’ 1,225 li ngħataw il-protezzjoni, Malta tat status ta’ refuġjat lil 190 persuna, protezzjoni sussidarja lil 1,010 persuni filwaqt li 55 persuna tħallew jibqgħu Malta minħabba raġunijiet umanitarji.