Fl-2015 jispiċċa għal kollox l-użu tal-Heavy Fuel Oil

Il-Ministeru għall-Enerġija sostna li sas-sena d-dieħla, l-użu tal-Heavy Fuel Oil se jkun eliminat darba għal dejjem.
Il-Gvern huwa kontra l-użu tal-heavy fuel oil u kien għalhekk li beda jaħdem sa mill-ewwel ġurnata biex il-bidla mill-heavy fuel oil għall-gass tkun tista’ issir. 
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Enerġija qal li d-deċiżjoni tal-bord tal-MEPA li jestendi l-użu tal-heavy fuel oil kellha tittieħed bilfors biex Malta jibqa’ jkollha d-dawl.
Intqal li l-bidla għall-gass se tkun qed issir fi tranżizzjoni waħda hekk kif bidla temporanja għal gas oil ma ma tippermettix li jkun hemm s-sigurtà tal-provista meħtieġa minħabba l-limitazzjonijiet ta’ ħażna.
Dan wara li aktar kmieni l-Partit Nazzjonalista qal li din kienet it-tieni darba f’sena li l-MEPA approvat l-estensjoni tal-heavy fuel oil.
Il-MEPA approvat l-estensjoni tal-permess biex l-impjant il-ġdid ta’ Delimara jkompli jitħaddem b’dan il-fjuwil sa Diċembru 2015.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat qarraq bin-nies meta qabel l-elezzjoni ddeskriva l-impjant il-ġdid f’Delimara bħala "fabbrika tal-kanċer."
Intqal li Dr Muscat wiegħed li se jwaqqaf b’mod immedjat l-użu tal-heavy fuel oil u jaqleb għad-diesel, iżda b’din l-estensjoni se jkun daħak bil-poplu Malti u Għawdxi għal mill-inqas sentejn u nofs.