Fl-2014 u bla dawl f’Malta

Minkejja li ninsabu fl-2014 f’Malta għad fadal numru żgħir ħafna ta’ djar li għadhom mingħajr servizz elettriku filwaqt li xi djar, fit-toroq l-iktar antiki ta’ xi bliet u rħula, għad għandhom il-wires tagħhom antiki taċ-ċomb mikxuf.
Id-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea, fid-diskussjoni fil-Parlament dalgħodu dwar l-estimi tal-Korporazzjoni Enemalta għall-2014, qal dan filwaqt li appella biex is-servizz tal-elettriku jinfirex mal-pajjiż kollu u jkun modernizzat is-servizz lill-klijenti kollha.
Sostna li l-Enemalta għandha kwantità kbira ta’ cables tad-dawl li hi stess m’għandhiex rendikont ċert tiegħu filwaqt li għandha kwantità oħra ta’ cables ‘mejta’ li ma tafx eżatt fejn huma.
Appella biex minkejja l-oppożizzjoni ta’ xi wħud fil-Korporazzjoni Enemalta, il-mijiet ta’ kilometri ta’ cables tad-dawl mirduma taħt l-art jibdew jiġu mgħoddija minn kanali fil-bankini biex tiġi ffaċilitata l-manutenzjoni, u qal li xi lokalitajiet f’Malta diġà bdew iħaddmu din is-sistema.
Appella wkoll biex arbli tad-dawl li jitkissru jew bozoz li jinħarqu jissewwew jew jiġu mibdula mingħajr dewmien, kull tant, ta’ xhur.