​ Fl-2014 mistenni rekord ta’ viżitaturi f’Għawdex

Il-Ministeru għal Għawdex ħabbar li l-ewwel indikazzjonijiet juru li din is-sena se jkun hemm żieda oħra fl-għadd ta’ turisti u viżitaturi li jżuru Għawdex.
Fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex qal li f’dan iż-żmien tas-sena, ix-xogħol relatat mat-turiżmu, speċjalment fejn jidħlu bookings tal-lukandi qed jindika riżultati tajbin.
Ikkwota ċ-ċifri maħruġa mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu li juru li fl-2012 l-għadd ta’ viżitaturi kien ‘il fuq minn 872,600 persuna, filwaqt li fl-2013 kien ta’ kważi 994,000 persuna.
Spjega li fl-2013, kważi 10,200 turist raqdu lejl wieħed, filwaqt li 137,400 turist qagħdu iktar. 2,480 turist żaru Għawdex bil-cruise liners.
Il-Ministeru għal Għawdex qal li se jibqa’ impenjat biex jespandi l-istaġun turistiku, speċjalment bejn Novembru u April.