Fl-2014 Malta tirreġistra inflazzjoni ta’ 0.4%

Fuq sena, f’Diċembru li għadda Malta rreġistrat il-ħames l-ogħla għoli tal-ħajja fost il-pajjiżi membri tal-UE.
Skont il-Eurostat, waqt li l-medja Ewropea kienet tnaqqis ta’ 0.1%, Malta kellha żieda fl-għoli tal-ħajja ta’ 0.4%.
Lil Malta għaddewha r-Renju Unit, il-Finlandja, l-Awstrija u r-Rumanija – li kienet l-iktar pajjiż li ra żieda fil-ħajja fl-aħħar sena, ta’ 1%.
16-il pajjiż mit-28 tal-UE raw il-ħajja tagħhom torħos matul l-2014.
L-ikbar kaġun, skont il-Eurostat, kien il-prezzijiet tal-fuels għat-trasport, segwit miż-żejt biex jiġġenera s-sħana. Naqsu wkoll, b’rata inqas, l-ispejjeż marbuta ma’ telekomunikazzjoni.
Min-naħa l-oħra, fl-UE kollha bħala medja kien hemm żieda fil-prezzijiet fil-kategoriji tar-ristoranti u bars, kera u tabakk.