Fl-2004 żewġ nisa nqatlu mgħaffġa: bint għadha tistenna l-ġustizzja

Is-CEO tal-Qorti u l-Avukat Ġenerali waqgħu fil-muta dwar meta se jkompli l-kaz

Read in English.

Kważi 16-il sena ilu eżattament fit-3 ta’ Ġunju 2004,  kmieni wara nofsinhar, Mary Zarb ta’ 60 sena u Nadya Vavilova, żagħżugħa Russa ta’ 24 sena, mietu mgħaffġa. Zarb kienet qed tagħti lezzjoni tal-Malti lil Vavilova. Il-lezzjoni ntemmet ħesrem u ħajjithom inħasdet bla ħniena meta ġġarfet id-dar ta’ Zarb minħabba li x-xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir ħdejha ma kienx qed isir kif suppost.

Illum, kważi 16-il sena wara, Diane Mule’ Stagno, bint Mary, għadha tistenna ġustizzja.

Newsbook.com.mt ilu mill-24 ta’ Settembru li kiteb lid-Direttur Ġenerali tal-Qrati, Frank Mercieca (illum il-ħatra nbidlet għal CEO tal-Court Services Agency) u lill-Avukat Ġenerali Peter Grech biex jgħidulna meta se jkompli l-appell kriminali dwar il-każ. Kien fl-2010 meta dan l-appell kien diferit għal data li ma kinitx ġiet iffissata.

Mercieca, l-ewwel qal li jweġibna fi żmien ftit ġranet imbagħad waqa’ fil-muta. L-Avukat Ġenerali lanqas indenja ruħu jwieġeb.

Newsbook.com.mt jirrakkonta pass pass kif il-ġustizzja għadha ma saritx mal-familja tal-vittmi.

2004: bini jikkollassa, tnejn maqtula mgħaffġa

Diane Mulé Stagno qalet lil Newsbook.com.mt li hija u binha ż-żgħir kienet ħdejn ommha ftit qabel ma ġġarrfet il-binja li qatlet lil ommha Mary u lill-istudenta tagħha Vavilova. Irrakkuntat kif ġie pulizija d-dar jgħidilha li kien ġara inċident. Hija mill-ewwel marret tiġri lejn Triq Ramon Perellos fejn kienet toqgħod ommha. Kif rat it-tiġrif ħadet l-akbar qatgħa ta’ ħajjitha.

Kienet qisha xena tal-gwerra, qaltilna. Is-sigħat li għamlet tara lill-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili jneħħu l-ġebel u t-terrapien kienu passjoni twila. Fl-aħħar sabu lil ommha mgħaffġa. Kienet xena lil farrket lil Diane.

2009: Kuntrattur u impjegat kundannati għall-ħabs

L-ewwel każ inqata’ fl-2009. Il-kuntrattur Pawlu Demicoli minn Birkirkara kien kundannat tliet snin ħabs waqt li l-impjegat Kevin Bonnici,  minn Birzebbuġa kien kundannat għal 18-il xahar ħabs mill-Maġistrat (dak iż-żmien) Consuelo Scerri-Herrera. Hija sabithom ħatja li kien hemm traskuraġni fix-xogħol u li minħabba din it-traskuraġni saret id-diżgrazzja.

“Hekk kif smajt is-sentenza bdejt nibki” qalet Mulè Stagno lil Newsbook.

Hija żiedet tgħid li l-Maġistrat tat sentenza twila ħafna, fil-fatt xi 200 paġna u għamlet ukoll diversi suġġerimenti ta’ x’għandu jsir biex dawn il-każi ma jiġrux. Fost dawk kien hemm suġġeriment li l-kuntratturi jkunu mħarrġa sew u li jkun hemm preżenza akbar tal-perit. Issuġġeriet ukoll li dwar l-infurzar, għandu jkun hemm organizzazzjoni waħda, biex iċ-ċittadin ma jkollux għalfejn imur minn organizzazzjoni għall-oħra.

Demicoli u Bonnici appellaw

L-appell beda jinstema’ quddiem l-Imħallef Joseph Galea Debono. L-akkużati fil-frattemp ressqu fil-Prim Awla Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) appell mis-sentenza fuq teknikalità. Għalhekk fis-Seduta tal-4 ta’ Frar 2010 l-Imħallef Galea Debono laqa’ t-talba tal-akkużati biex jipposponi s-smigħ sakemm jinqatgħu l-proċeduri kollha.

L-Imħallef Galea Debono (illum irtirat) iżda enfasizza li l-Qorti xtaqet tassikura ruħha li l-affarijiet ma jittawlux u għalhekk ordnat  lill-Avukat Ġenerali jżomm lill-Qorti Kriminali bil-progress fil-proċeduri.

Mhux magħruf jekk l-Avukat Ġenerali kienx jagħti rapporti regolari kif mitlub mill-Qorti.

L-istadji kollha tal-proċeduri kollha li saru minn Pawlu Demicoli u Kevin Bonnici ġew fi tmiemhom fit-12 ta’ Lulju 2019 meta l-Qorti tal-Appell tat il-ġudizzju tagħha finali dwar il-kaz quddiemha.

Waqgħu fil-muta

F’Settembru tal-2019 Newsbook.com.mt kiteb lid-Direttur Ġenerali tal-Qrati Frank Mercieca u lill-Avukat Ġenerali Peter Grech biex naraw meta se jkompli l-appell kriminali. Sal-lum ma rċevejna l-ebda risposta.