Fl-1999 ħassejt aktar sħana

Ħafna huma dawk li qed itellgħu ritratti tat-temperaturi tal-vetturi tagħhom u jistagħġbu bit-temperaturi għoljin tal-vetturi tagħhom.
Minkejja dan skont is-sit tat-temp indipendenti FirstMalta t-temperaturi ta’ bħalissa mhumiex l-ogħla li qatt rat Malta.
Għalkemm l-Erbgħa u l-Ħamis li għadda kienu l-aktar jiem ta’ din is-sena b’temperaturi għoljin, it-temperatura mkejla mit-termometru ma qabżitx it-38°C.
Skont l-istatistika uffiċjali l-ogħla temperatura li qatt telgħet kienet ta’ 43.8°C, fid-9 ta’ Awwissu, 1999. Min-naħa l-oħra lanqas temperatura kienet fid-29 ta' Jannar tal-1981 meta kienet niżlet sa 1.4°C.
Skont l-istandards tal-meteoroloġija, it-temperaturi jitkejlu fid-dell u mhux f’xemx diretta u għaldaqstant ma jgħoddux temperaturi għoljin ħafna, fosthom dawk tal-karozzi li ġieli jimmarkaw mal-45°C.
Is-sit FirstMalta jispjega li s-sħana tinħass aktar qawwija f’ċerti ġranet minħabba li tkun aktar umdità. Huwa għalhekk li normalment jinħarġu żewġ temparaturi, kif tkun imkejla bit-termometru u oħra ta’ kif tinħass.