FKNK: Ir-referendum hu anti-demokratiku u bla skruplu

Wara li tħabbret id-data tar-referendum abrogattiv dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, l-FKNK qalet li r-referendum hu bla skruplu ta’ ftit Maltin ta’ gruppi f’minoranza f’Malta li jridu jabolixxu tradizzjoni ta’ grupp ieħor li wkoll huma f’minoranza.
Fi stqarrija, l-FKNK qalet kif, apparti li r-referendum hu wieħed anti-demokratiku, mhuwiex dwar il-prattika legali tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
Qal li l-Maltin, li kollha jiffurmaw minn xi grupp f’minoranza fis-soċjetà, għandhom ikunu mwissija li wara l-kaċċaturi jkun imiss lilhom.
L-FKNK rreferiet ukoll għal dawk “estremisti” li jridu jeqirdu l-ħajja ta’ grupp ta’ nies li jinsabu f’minoranza u fakkret li meta l-kaċċa kienet sospiża, xi membri tal-FKNK spiċċaw anki biex neħħew ħajjithom b’idejhom stess.