FKNK: Malta qatt ma rat daqstant sigurtà minn wara ċ-CHOGM

Hekk kif ninsabu fl-eqqel tal-istaġun tal-kaċċa, il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti qalet li l-membri tal-Birdlife qatt mhuma kuntenti bis-sitwazzjoni.

Dan minkejja li fi kliem l-FKNK, il-gvern “żid sostanzjalment in-numru tal-pulizija tal-ALE, qed tintuża l-kavallerija tal-pulizija u qed jintużaw ukoll is-suldati”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK Lino Farrugia qal li “Malta qatt ma rat daqstant sigurtà sa mill-2005 meta nżammet il-laqgħa taċ-CHOGM, meta ukoll kienet hawn fostna l-Majesta Tagħha ir-Reġina Elizabeth II”.

Farrugia sostna li minn meta fl-1 ta’ Settembru nfetaħ l-istaġun tal-kaċċa, l-ALE diġà spezzjonaw madwar 1,800 kaċċatur.

Saħaq li l-Birdlife qed tonqos mir-rispett meta tgħid li ma ratx żieda fl-infurzar u li qed jinqatlu għasafar protetti.  Il-federazzjoni tal-kaċċaturi ħeġġet lill-Birdlife biex tippubblika ritratti u filmat tal-għasafar protetti.

L-FKNK temmet tgħid li “kontinwament qed tirċevi rapporti ta’ passes tajbin ta’ tajr protett, minn tajr tal-priża sa rsieset u oħrajn, li qed ikomplu triqthom lejn Lbiċ mingħajr problemi ta’ xejn”.