FKNK: Dak li qalu l-Birdlife dwar il-kaċċa llegali hu ‘esaġerat’

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti qalet li d-dikjarazzjoni ta’ Birdlife Malta li f’Malta jinqatlu kważi 302,000 għasfur fis-sena, hija esaġerata u ffabrikata.
Fi stqarrija, l-FKNK saħqet li fir-rapport tagħha, Birdlife Malta kienet skoretta u użat metodoloġija li ma tistax torbot fuqha.
Żiedet tgħid li Birdlife Malta m’għandha l-ebda rispett lejn il-liġi ambjentali f’Malta u tqis li hi fuq il-liġi.
L-FKNK żiedet tgħid li fil-każ tal-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta, kemm Birdlife Malta kif ukoll Birdlife International naqsu milli jirrispettaw u jonoraw il-ftehim li kien sar f’Settembru tal-2009 u lanqas ir-riżultat tar-referendum ta’ April li għadda.
Il-Federazzjoni qalet li x-xahar li għadda, fil-Kumitat tal-Ornis, rappreżentanti tal-Birdlife ppreżentaw kopja tar-rapport tagħhom, li fi kliem l-FKNK, kellu informazzjoni kunfliġġenti meta mqabbel mal-websajt tal-Birdlife International.