Il-Prim Ministru jonfoq darbtejn u nofs daqs il-kap tal-Oppożizzjoni fi fuel

Bejn Marzu 2013 u Novembru 2015, vetturi tal-Prim Ministru Joseph Muscat ingħataw medja ta’ €184 fil-ġimgħa fi fuel, jew darbtejn u nofs il-konsum ta’ fuel mill-Kap tal-Oppożizzjoni fl-istess perjodu.
Dan joħroġ minn informazzjoni mogħtija fil-Parlament mill-istess Prim Ministru Joseph Muscat fi tweġiba għall-mistoqsija tal-Whip tal-Partit Nazzjonalista David Agius. Ċifri dwar il-konsum tal-vettura użata mill-Kap tal-Oppożizzjoni kienu ppubblikati nhar il-15 ta’ Diċembru mill-Ispeaker Anġlu Farrugia fi tweġiba għall-mistoqsija tal-istess Deputat Nazzjonalista.
L-ispiża fuq fuel għall-karozza uffiċjali tal-Prim Ministru fil-perijodu msemmi kienet ta’ medja ta’ €70 jew 49 litru fil-ġimgħa. Fuq it-tieni karozza l-ispiża fuq fuel kienet ta’ medja ta’ €114 jew 87 litru fil-ġimgħa – it-tieni karozza bdiet tintuża f’Marzu 2014.
L-ispiża fuq fuel mogħti lill-karozza uffiċjali tal-Kap tal-Oppozizzjoni bejn Ġunju 2013 u Novembru 2015 kienet ta’ €75 fil-ġimgħa għal medja ta’ 56 litru fil-ġimgħa.
Matul il-leġislatura preċedenti, il-vetturi użati mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi ingħataw bħala medja €123 fil-ġimgħa għall-konsum ta’ 97 litru.
Dan ifisser li l-Prim Ministru preżenti jikkonsma 50% iktar fuel mill-predeċessur immedjat tiegħu.