Aġġornata (1): Fiż-Zimbabwe: Il-President Robert Mugabe jibqa’ fil-poter għal ħames snin oħra

L-ewwel u l-unika mexxej minn wara l-indipendenza għaż-Zimbabwe se jibqa' fil-poter għal ħames snin oħra hekk kif għas-seba' darba rebaħ l-elezzjonijiet Presidenzjali b' 61% tal-voti.

Il-Partit tal-President Robert Mugabe rebaħ ukoll l-elezzjonijiet għall-Parlament b'maġġoranza ta' żewġ terzi.  

Intant il-kap tal-Oppozizzjoni Morgan Tsvangirai li rebaħ 34% tal-voti, mhux jaċċetta r-riżultat tal-elezzjoni. Fl-ewwel kummenti tiegħu wara li tħabbar ir-riżultat, Tsvangirai allega li l-elezzjonijiet ma kienux sinċiera u qal li se jkun qed jiftaħ kawża fil-Qorti biex jiġu nvestigati l-elezzjonijiet li saru nhar l-Erbgħa li għadda.

Aktar qabel:

Fiż-Zimbabwe, l-partit tal-President Robert Mugabe rebaħ l-elezzjoni b’maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament kontra l-partit tal-Prim Ministru 

Dan ir-riżultat wasal ġurnata wara li l-Unjoni Afrikana ddeskriviet l-elezzjonijiet Parlamentari u Presidenzjali fiż-Zimbabwe bħala onesti u kredibli.

Intant osservaturi tal-Unjoni Afrikana spjegaw kif waqt l-elezzjonijiet kien hemm xi affarijiet li setgħu saru aħjar. Huma qalu li fost affarijiet oħra numru zgħir ta’ votanti ma tħallewx jivvutaw. Minkejja kollox dan jikkuntrastaw sew mal-elezzjonijiet li kienu saru fl-2008 meta waqt protesti kienu nqatlu 200 persuna. Infatti dawn l-elezzjonijiet qed jimmarkaw it-tmiem ta’ koalizzjoni xejn faċli bejn żewġ mexxejja.

Mugabe li għandu 89 sena, ilu jmexxi ż-Zimbabwe mill-1980 u l-ewwel seba’ snin għamilhom bħala Prim Ministru.

Aktar tard matul il-ġurnata mistennija joħorġu r-riżultati tal-elezzjonijiet għall-President.