​Fix-xhur li ġejjin: Bidliet fl-infrastruttura virtwali u soċjali

Il-Kap tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li fl-ewwel tliet xhur tas-sena se jkun qed jaħdem fuq tibdil fl-infrastruttura virtwali, soċjali, u anki dik fiżika.
Waqt messaġġ fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun,  Muscat qal li din is-sena “se tkun sintomatika ma’ aktar bidliet”.
Sostna li sal-aħħar ta’ Marzu l-Partit Laburista u l-Gvern se jkunu qed juru l-mod ta’ kif se tiġi żviluppata l-infrastruttura f’Malta.
Infrastruttura virtwali
Skont  Muscat, tibdil fl-infrastruttura virtwali għandhom ikunu fost l-ewwel affarijiet li wieħed jista’ jara li jsiru fix-xhur li ġejjin. Spjega li se jkun hemm regolaturi għat-teknoloġija blockchain, qasam li qed jattira aktar interess. Muscat żied jgħid li x’aktarx Malta se tkun l-ewwel pajjiż li jirregola dan il-qasam.
Infrastruttura soċjali
Muscat tkellem dwar Vot16 u qal li din il-proposta tgħid ħafna dwar Malta. Qal li jittama li fi ftit ġimgħat Malta ssir it-tieni pajjiż fl-Ewropa li tkun qed tbaxxi l-età tal-vot. Madanakollu qal li din il-proposta mhix waħda mingħajr il-kontroversji.
Fl-infrastruttura soċjali saħaq li jittama li l-Gvern ikun jista’ jżomm ir-ritmu u joħloq bilanċ għall-għatx għall-bidla u l-bżonn ta’ konsultazzjoni.
Infrastruttura fiżika
Muscat semma li diversi proġetti diġà bdew jiġu inawgurati. Stqarr li se jkun hemm bidla ta’ kif isiru t-toroq f’Malta u li se jsiru matul is-seba’ snin li ġejjin.
Muscat tkellem ukoll dwar bidliet li jixtieq jara fil-qasam tal-marijuana medika u inizjattivi biex in-nisa u l-irġiel li jkunu qed jagħmlu l-istess xogħol jitħallsu indaqs.