Fix-xahar ta’ qabel l-elezzjoni Kastilja tonfoq €2,200 riklami fuq Facebook

Matul il-kampanja elettorali li għaddiet, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru nefaq aktar minn €2,210 f’reklamar fuq Facebook.
L-informazzjoni ngħatat mill-Prim Ministru Joseph Muscat b’risposta għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina.
Aquilina staqsa lill-Prim Ministru biex jgħid kemm kienet in-nefqa fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż kull entità u Dipartiment fi ħdanu, f’reklamar fuq siti soċjali mill-1 ta’ Meju sat-3 ta’ Ġunju 2017.
Skont l-informazzjoni li ta l-Prim Ministru, l-Aġenzija Maltija għall-Informazzjoni u l-Informatika (MITA) nefqet l-aktar, jiġifieri €2,124.91
L-inqas li nefqet kienet il-Malta Gaming Authority (MGA), li matul dan il-perjodu nefqet €40. L-Awtorità Maltija għall-Kommunikazzjoni (MCA), nefqet €45.52.