Fittex ħu l-għasel għas-sogħla…

Dawk li jkollhom is-sogħla qed jingħataw parir biex jixorbu l-għasel u l-lumi minflok jieħdu l-antibijotiċi. Il-mediċini m’għandhomx ikunu l-ewwel azzjoni ta’ trattament għas-sogħla.

Il-parir ġie ppublikat illum mill-Awtorità tas-Saħħa fir-Renju Unit, bħala parti minn inizjattiva tal-ġlieda kontra l-batterji li saru reżistenti għall-kura bl-antibijotiċi.

L-esperti qed ikunu mħassba ħafna dwar il-fatt li t-tobba ħafna drabi jagħtu l-antibijotiċi għall-irjiħat u s-sogħla, li ma hemmx għalfejn jingħataw. L-użu esaġerat ta’ dawn il-mediċini iwassal biex il-batterji qed jevolvu biex jirreżistu t-trattament – u b’hekk l-antibijotiċi ma jaħdmux kontra infezzjonijiet iktar serji.

Il-linji gwida ġodda, indirizzati kemm għat-tobba kif ukoll għall-pazjenti jispjegaw li l-antibijotiċi ma jagħmlux differenza lis-sintomi tas-sogħla. Minflok, il-pazjenti għandhom jippruvaw jieħdu l-għasel jew mediċini kontra s-sogħla mill-ispiżeriji.

Mgħarfa għasel jew xarba għasel bil-lumi

Dr Tessa Lewis tispjega li l-ewwel pass ta’ persuni li għandha s-sogħla hu li tieħu mgħarfa għasel u wara tista’ tieħu wkoll xarba sħuna ta’ lumi bl-għasel. Tgħid li din hi kura naturali li ilha tittieħed u tkun effettiva għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Studji juru li s-sogħla titnaqqas b’mod qawwi fi żmien ġurnata. Twissi li trabi taħt is-sena m’għandhomx jingħataw l-għasel.

Tispjega li meta persuna tagħtas, ikollha sogħla u griżmejha juġawha, is-sintomi jisparixxu fi żmien ġimagħtejn jew tlieta u ma jkunx hemm bżonn l-antibijotiċi. Tgħid li jekk is-sogħla tiggrava jew il-persuna tħossha ma tiflaħx ħafna, ikollha bżonn tkellem it-tabib.

“Li tieħu l-antibijotiċi meta m’għandekx bżonnhom, tpoġġi lilek u l-familja tiegħek f’riskju li meta jkollhom infezzjonijiet, dawn ma jkunux jistgħu jiġu kkurati.

Il-Professur Mark Baker jgħid li importanti kulħadd jiftakar li f’ħafna każi, l-antibijotiċi ma hemmx bżonnhom biex tiġi kkurata s-sogħla. Jispjega li l-awtorità trid li t-tobba jagħtu pariri lin-nies dwar kura alternattiva li tgħinhom itaffu s-sintomi.

L-esperti josservaw li ħafna drabi t-tobba jagħtu l-antibijotiċi biex jikkuntentaw lill-pazjenti li jitolbuhomlhom u din il-prattika qed tkabbar ir-reżistenza tal-antibijotiċi.