Fitch tikkonferma r-rata tal-kreditu ta’ Malta għal A

L-aġenzija tal-kreditu Fitch ikkonfermat ir-rating tal-ekonomija ta’ Malta għal A.
Ir-rapport ta’ Fitch jikkonkludi li l-ekonomija Maltija hija waħda stabbli u qed tirkupra sew.
Fl-2013, l-ekonomija kibret bi 2.4% u dan huwa tkabbir sostanzjali fuq iż-0.9% tal-2012 u ferm ogħla mill-medja taż-żona ewro li tammonta għal 0.4%.
L-aġenzija Fitch qed tbassar li t-tkabbir ekonomiku f’Malta se jkun ogħla mill-medja taż-żona ewro matul is-snin 2014-2015.
Ir-rapport isostni li meta l-qgħad jammonta għal 6.5% huwa ferm inqas mill-medja Ewropea għalkemm qed jiżdiedu l-persuni li qed ifittxu x-xogħol.
Dwar l-ispiża tal-Gvern, Fitch qed tbassar li din se tlaħħaq l-44.2% tal-GDP għall-2013 u mistennija li tikber fl-2014. 
Ir-rapport tal-aġenzija tal-kreditu jitkellem ukoll fuq il-Korporazzjoni Enemalta u l-pjan tal-Gvern li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jonqsu mill-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Fitch tinnota d-deċiżjoni tal-Gvern li tonqos l-ispiża tal-produzzjoni fl-Enemalta u ssostni li din tista’ tħalli impatt negattiv fuq il-qliegħ tal-Enemalta u bil-konsegwenza li taffettwa l-ekonomija.
Fitch ħadet nota tal-ftehim li ġie ffirmat bejn l-Enemalta u l-kumpanija Ċiniża Shangai Electric.
L-aġenzija ssostni li filwaqt li d-dettalji għadhom ma ġewx ippubblikati dan mistenni li jħalli effett pożittiv fil-Korporazzjoni.
Finalment Fitch tinnota wkoll li l-progress fir-riformi fis-servizz tas-saħħa u l-pensjonijiet huwa wieħed kajman.