Fitch tikkonferma l-grad ta’ A+ għal Malta

L-aġenzija Fitch Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ A+ għal Malta, bi prospett stabbli. Qalet li dan ir-rating huwa dovut l-aktar għal dħul għoli per kapita, tkabbir ekonomiku b’saħħtu u għax Malta tifforma parti miż-żona Ewro.

Fitch Ratings kompliet tgħid li n-natura ekonomika ta’ Malta hija waħda żgħira u miftuħa u għaldaqstant tista’ tkun vulnerabbli għal xokkijiet. Tkellmet dwar il-potenzjal ta’ avvenimenti ekonomiċi inċerti futuri, kif ukoll minħabba d-daqs kbir ħafna tas-settur bankarju, meta dan jittieħed fil-kuntest tal-Prodott Gross Domestiku.

Fitch Ratings qalet li sa Diċembru tas-sena l-oħra, l-assi tal-banek kienu jammontaw għal aktar minn 225% tal-Prodott Gross Domestiku. Dan intqal fl-isfond tal-credit rating tal-aġenzija l-oħra Standard and Poors li żiedet ir-riskji ta’ reputazzjoni u dawk tal-operat tas-settur bankarju Malti.

F’dan l-isfond, Fitch Ratings qed tipprevedi li Malta se żżomm is-surplus fiskali tagħha ta’ 1% tal-PGD għal din is-sena, minħabba iktar dħul mit-taxxi, mill-Programm ta’ Investiment l-IIP, u inqas spejjeż kapitali.

Fil-kummenti tagħha dwar Malta, Fitch qalet li qed tistenna li l-politika fiskali tibqa’ waħda prudenti, tant li l-bilanċ strutturali żdied bi tliet punti perċentwali.

Fitch qed tistma li t-tkabbir reali fil-PGD se jibqa’ fil-livell ta’ 5.6% u ddeskriviet dan bħala wieħed b’saħħtu. Aċċennat għat-tnaqqis fil-qgħad li niżel bi kważi 4% oħra f’Ġunju li għadda.

Fi stqarrija dwar dan ir-rapport, il-Gvern sostna li l-analiżi ta’ Fitch Ratings hija konferma oħra tal-livell għoli ta’ kunfidenza li hemm fl-ekonomija Maltija.

Il-Gvern saħaq li dan kollu għandu jwassal għal iktar investiment barrani f’Malta, kif ukoll biex jixpruna ekonomija iktar b’saħħitha li minnha jgawdu l-familji u l-intrapriżi Maltin.