​Fitch Ratings tikkonferma rating ta’ A+ għall-ekonomija Maltija

L-aġenzija Fitch Ratings ikkonfermat il-credit rating ta’ A+ għal Malta bi previżjonijiet stabbli għall-futur.
Il-Gvern Malti qal li dan ikompli jibni fuq it-titjib ekonomiku li Malta ġiet ċertifikata mill-istess aġenzija f’Awwissu tas-sena l-oħra, wara nuqqas ta’ għaxar snin.
Il-Gvern kompla jgħid li Fitch Ratings issemmi wkoll kif Malta għalqet is-sena li għaddiet bi tkabbir ekonomiku ta’ 7% meta sa ftit xhur qabel, kienet qed titbassar rata ta’ 4%. Bl-istess mod l-aġenzija taċċenna għal dik li sejjħet bħala “possibiltà reali” li s-surplus fil-finanzi pubbliċi jaqbeż ukoll l-istima oriġinali ta’ 0.6% tal-Prodott Gross Domestiku.
Il-Gvern sostna li dan ir-rapport juri kuntrast ma’ dak li qed jingħad mill-Oppożizzjoni dwar diversi temi ekonomiċi, fosthom il-kontroll fuq l-ispiża soċjali.
Fitch qalet li l-Gvern Malti huwa biss dispost li jgħin lill-banek li huma meqjusa bħala “sistematikament importanti” għall-ekonomija Maltija, b’mod partikolari lil Bank of Valletta.
Fitch tgħid li huwa improbabbli li l-Gvern Malti jkun jista’ jgħin lill-banek internazzjonali jew banek privati oħra.
"Il-prezzijiet tal-propjetà f'Malta qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla"
Dwar il-prezzijiet tal-propjetà f’Malta, Fitch qalet li dawn għadhom jiżdiedu b’rata mgħaġġla minħabba l-influss qawwi ta’ ħaddiema barranin, settur tat-turiżmu li dejjem qed jikber, u l-eżenzjoni mit-taxxa tal-bolla għal min jixtri dar għall-ewwel darba, u nuqqas ta’ provista.
“Malta għandha quddiemha snin ta’ suċċessi ekonomiċi” – Edward Scicluna
Intant dwar dan ir-rating ta’ Fitch, tkellem ukoll il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fejn qal li dan ikompli jikkonferma li Malta għandha quddiemha iktar snin ta’ suċċessi ekonomiċi.
Ikkwota lill-aġenzija Fitch meta qalet li fl-2016, il-Gvern Malti kiseb oġġettiv ekonomiku tliet snin qabel iż-żmien previst, minbarra wkoll li laħaq surplus fiskali.
Il-Ministru Scicluna spjega li dan ġie attribwit l-iktar għad-dħul medju ta’ kull persuna, it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu u indikaturi sodi ta’ governanza.
Isemmi wkoll dak li jgħid ir-rapport ta’ Fitch dwar is-settur bankarju Malti, li jiġi deskritt bħala “robust u li qed jirreġistra titjib fil-kwalità tal-assi tal-banek”.