Read in English.
L-aġenżija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat l-istabbilità għall-prospetti f’Malta iżda indikat li s-settur tat-turiżmu jista’ jbati jew saħansitra jfalli.
Ir-rapport jgħid li Malta baqgħet fil-klassifika tal-pajjiżi A+ bil-Gvern jgħid li għalkemm Malta żammet din il-pożizzjoni l-istess aġenzija naqset il-prospetti tal-Belġju, Franza, il-Latvja u Rumanija minn stabbli għal negattiv mindu faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19.
Il-vouchers b’effett limitat fuq it-turiżmu
Fitch Ratings semmiet ukoll il-vouchers li l-Gvern mistenni jagħti lil dawk kollha li jgħixu f’Malta. L-aġenzija qalet li minkejja li din il-miżura se tgħin lit-turiżmu intern, l-effett tagħha jista’ jkun limitat minħabba li t-turiżmu ġej minn barra jirrappreżenta 97% tal-akkomodazzjoni kollha fix-xhur tas-sajf. L-esperti jgħidu wkoll li minkejja li r-riskji għal tkabbir fl-ekonomija għadhom jeżistu, huma jemmnu li r-riskji huma bbilanċjati.
Fl-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Gvern jgħid li l-esperti ta’ Fitch Ratings qed ibassru li minkejja d-dipendenza ta’ Malta fuq industriji bħat-turiżmu, l-impatt tal-Covid-19 fuq Malta se jkun inqas minn dak fiż-żona ewro. Isostnu li l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna ser ikun 2.1 punti perċentwali aħjar mill-medja taż-żona ewro fl-2020.
Żieda persistenti fid-dejn tal-Gvern
Fitch Ratings qalet ukoll li jiżisti riskju minħabba ż-żieda persistenti fid-dejn tal-Gvern. Dan minħabba li l-istimolu fiskali jista’ jitwal u għaldaqstant ikun hemm propetti ta’ tkabbir iktar dgħajfa.
L-esperti internazzjonali qed ibassru li, f’temp ta’ sentejn, mistenni jkun hemm “rebound in economic activity” li jwassal biex id-defiċit li jkun inħoloq biex isostni s-sostenn tal-Gvern, jerġa’ jiġi fil-livell stipulat fit-trattat ta’ Maastricht.
Ir-rapport ibassar li, minkejja n-nuqqas ta’ domanda esterna, Malta ser tibqa’ tesporta aktar milli timporta. L-esperti tal-Fitch Ratings huma fiduċjużi wkoll fuq is-saħħa tal-banek Maltin li għandhom likwidtà għolja ħafna.
“Ċertifikat pożittiv”, “Aħbar pożittiva”
F’żewġ stqarrijiet b’reazzjoni għall-pubblikazzjoni tar-rapport, il-Gvern qal li din l-analiżi hija “ċertifikat ieħor pożittiv dwar l-andament ekonomiku” ta’ Malta.
Il-Ministeru għall-Finanzi qal li Fitch temmen li l-indikaturi li jkejlu s-saħħa tas-sistema finanzjarja huma b’saħħithom u jipprovdu buffer lis-sistema f’każ li jkun hemm tnaqqis aktar milli mistenni fil-Prodott Domestiku Gross.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li Fitch żammet l-istess rating ta’ A+ għal Malta “minkejja l-impatt ekonomiku tal-pandemija hija aħbar pożittiva”.