Fit-Turkija Erdogan jaqa’ lura fl-elezzjonijiet fil-bliet il-kbar

Supporters of pro-Kurdish Peoples' Democratic Party (HDP) celebrate municipal elections results in Diyarbakir, Turkey, March 31, 2019. REUTERS/Sertac Kayar

Il-President tat-Turkija Tayyip Erdogan waqa’ lura fl-elezzjonijiet hekk kif il-partit tiegħu fit-tmexxija AK tilef il-kontroll tal-kapitali Ankara għall-ewwel darba minn kemm ilu li ġie mwaqqaf il-partit fl-2001. Jista’ jkun ukoll li jitlef il-kontroll tal-belt Istanbul.

Erdogan, li ddomina l-politika fit-Turkija minn meta kiseb il-poter 16-il sena ilu u mexxa l-pajjiż dejjem b’aktar kontroll, ikkampanja għal xahrejn qabel il-vot ta’ nhar il-Ħadd. Iddeskriva l-elezzjoni bħala waħda li tiddetermina jekk it-Turkija hix se tkompli tiffunzjona jew le.

Però, l-attivitajiet politiċi ta’ kuljum tal-president u l-appoġġ tal-maġġoranza tal-midja ma rnexxielhomx jirbħu l-voti fiż-żewġt ibliet ewlenin, hekk kif ir-riċessjoni li qed ixxaqleb lejha t-Turkija influwenzat bil-kbir lill-elettorat.

Skont il-midja fit-Turkija, il-kandidat tal-partit repubblikan fl-oppożizzjoni Mansur Yavas kiseb rebħa ċara f’Ankara. F’Istanbul għalkemm jidher li qiegħed fuq quddiem, il-voti għadhom qed jingħaddu.