“Fit-triq tridu tieħdu ħsieb lil ħaddieħor” – L-Arċisqof

Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li jixtieq li kull min juża’ t-toroq, ikollu l-protezzjoni tal-Mulej u sens ta’ responsabbiltà li fit-triq jieħdu ħsieb lil ħaddieħor ukoll.

Dan kien wieħed mill-punti li qajjem fil-messaġġ tiegħu filwaqt li bierek in-niċċa l-ġdida tal-Madonna ta’ Lourdes taħt il-pont tal-Kappara, fil-Gżira, li kienet tneħħiet minn Triq Mikiel Anton Vassalli biex isir il-proġett tal-junction tal-Kappara.

Mons. Scicluna qal li din l-inawgurazzjoni qed issir propju 30 sena wara li s-Sur John Lauria qiegħed l-ewwel niċċa modesta u umli li llum inbidlet “f’kapulavur tal-arkitettura”. Intant faħħar lill-Ministru Ian Borg tax-xogħol li qed imexxi fit-toroq Maltin fejn qal li qed jagħti struttura li jgawdi minnha kulħadd.

Intant, l-Arċisqof sostna li l-inawgurazzjoni tan-niċċa turi t-twemmin tal-Maltin li l-ħarsien tal-Madonna hemm bżonnu u se jibqa’. Qal li l-Madonna taf tbiddel in-nuqqasijiet tal-bnedmin f’okkażjoni tat-tajjeb. Qal li l-Madonna u binha dejjem ifittxu li jkunu għajn ta’ ġid u barka.

Intant sostna li fost l-iżvilupp hemm bżonn li jiġu mħarsa wkoll l-għeruq u jibqgħu jitkattru s-siġar li jagħmlu l-frott. Sostna li filwaqt li huwa tajjeb li nieħdu ħsieb l-ambjent mibni, l-ambjent huwa propju dak li jqarreb lil bniedem lejn Alla.