Erbgħa mit-12-il tifel Tajlandiż inħarġu mill-għar mgħarraq fit-Tajlandja fejn kienu ilhom maqbuda għal kważi ġimagħtejn.
Dan wara li għadd ta’ bugħaddasa bdew ħidma ta’ salvataġġ intensiva sabiex isalvaw lit-12-il tifel u l-kowċ tal-futbol tagħha.
Skont il-Kap tad-Dipartiment tas-Saħħa ta’ Chiang Rai s’issa inħarġu erbat itfal u ttieħdu immedjatament fl-isptar temporanju li ntrama viċin tal-għar għal test mediku.
Il-ħidma ta’ salvataġġ bdiet kmieni dalgħodu.
Il-Kap tal-ħidma ta’ salvataġġ Narongsak Osottanakorn qal li tim ta’ salvataġġ daħlu fil-għar fl-għaxra ta’ filgħodu ħin lokali, għal ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu ħin ta’ Malta.
Hu stqarr li kemm itfal kif ukoll l-kowċ tagħhom jinsabu fiżikament u mentalment b’saħħtihom, determinati u ffukati. Din hija D-Day tagħna, Osottanakorn tenna jgħid.
Waqt li mhux ċar il-vjaġġ li jridu jagħmlu t-tfal biex joħorġu mill-għar, hu mifhum li l-vjaġġ ta’ salvataġġ jinkludi passaġġi taħt l-ilma u mixi fejn il-livelli tal-ilma jippermetti.
13-il membru tas-salvataġġ u ħames baħħara mit-Thai Navy qed ikunu nvoluti fis-salvataġġ. Il-membri tal-għajnuna l-oħra, mhux essenzjali ħallew il-post fejn baqgħu biss timijiet mediċi u membri tas-sigurtà. Il-qraba tat-tfal ġew infurmati bil-pjan.
Jidher li minħabba l-ammont ta’ xita li nieżla fiż-żona, aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qed issir impossibbli li dawn jinħarġu mill-għar u kien għalhekk li l-awtoritajiet iddeċidew li joħorġu t-tfal mill-għar mill-aktar fis possibbli.
Samaran Poonan, membru mill-flotta Tajlandiża li kien qed jgħin fil-missjoni ta’ salvataġġ f’Chiang Rai tilef ħajtu il-Ħamis filgħaxija wara li daħal fl-għar sabiex iħalli tankijiet tal-ossiġnu għat-tfal u l-kowċ f’rotta li potenzjalment setgħet twassal għall-ħruġ tagħhom mill-għar.