Fit-28 ta’ Settembru se jerġgħu jiftħu l-iskejjel – Bonnici

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li hu kommess li nhar it-28 ta’ Settembru tkun l-ewwel ġurnata normali ta’ skola. Meta kien qed iwieġeb mistoqsija supplementari tad-deputat Nazzjonalista David Thake, Bonnici qal li l-ewwel ġurnata skola trid tkun waħda normali bl-prekawzjonijiet kollha.

Huwa qal li Skolasajf u ċ-childcare centres li fetħu fis-sajf kienu ta’ suċċess u l-esperjenza li nkisbet għandha tintuża’ biex l-iskejjel jinfetħu b’mod normali f’Settembru li ġej. Qal li dan dejjem billi jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami staqsa liema miżuri se jittieħdu biex tinżamm id-distanza soċjali. Fenech Adami staqsa jekk il-Gvern hux qed jikkonsidra miżuri bħal alternate school days, breaks f’ħinijiet differenti u distanza soċjali fil-klassijiet. 

Aktar kmieni, sorsi diversi ta’ Newsbook.com.mt spjegaw kif membru tal-istaff ta’ Skolasajf instab pożittiv għall-coronavirus. Minn informazzjoni li kisbet din il-kamra tal-aħbarijiet jidher li l-każ pożittiv instab fl-iskola ta’ Ħal Luqa. Is-sorsi spjegaw li parti mill-iskola tinsab magħluqa, filwaqt li hemm staff u tfal li jinsabu fi kwarantina u ntalbu jagħmlu l-iswab tests.