Fis-Sudan: Hemeti jżomm mal-ftehim tat-tqassim tal-poter

Il-Kap tal-Militar fis-Sudan wiegħed li se jkun qed iżomm mal-ftehim tat-tqassim tal-poter mal-oppożizzjoni.  Mohammed Hamdan ‘Hemeti’ Dagolo f’intervista mal-BBC qal li ż-żewġ partijiet jinsabu lesti biex aktar tard illum jiffirmaw dan il-ftehim.

Dan il-ftehim ifisser it-tmiem ta’ diversi xhur ta’ inkwiet biex intleħaq ftehim u jkun hemm liġijiet ċivili. Il-protesti favur id-demokrazija u r-repressjoni vjolenti ħakmu lis-Sudan wara li tkeċċa l-mexxej Omar al-Bashir.

Taħt il-ftehim il-ġdid il-kunsill sovran se jkun magħmul minn sitt persuni ċivili u ħames kapijiet, dawn se jkunu qed imexxu sal-elezzjoni li jmiss. Il-Prim Ministru min-naħa ta’ dawk ċivili se jkun appuntat il-ġimgħa d-dieħla.

Hemeti fil-kumment tiegħu qal li se jżommu ma’ dak kollu li fuqu ntlaħaq qbil. Kompla li anki mingħajr dan il-ftehim huma kellhom jaħdmu f’din id-direzzjoni għall-aħjar tal-pajjiż.