Fis-Slovakkja l-President jgħid li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jirriżenja

Il-President tas-Slovakkja Andrej Kiska qal li l-Kummissarju tal-Pulizija Slovakka għandu jirriżenja.
Il-President Kiska ħatar Kabinett ġdid il-Ħamis u qal lill-Ministri li kellhom jerġgħu jirbħu l-fiduċja tal-poplu wara l-qtil tal-ġurnalist Slovakk Jan Kuciak.
Il-Prim Ministru tas-Slovakkja, Robert Fico, kien irriżenja minħabba dan l-assassinju u d-Deputat Prim Ministru Peter Pellegrini nħatar biex iservi minfloku.
L-eks Ministru għas-Saħħa Tomas Drucker, li m’għandux affiljazzjoni politika, intgħażel biex imexxi l-Ministru għall-Intern. Din hija pożizzjoni sensittiva peress li l-assassinju tal-ġurnalist għadu ma ssolviex.
Drucker saħaq li l-Kummissarju tal-Pulizija tas-Slovakkja kellu jinbidel, dikjarazzjoni li qabel magħha l-President Kiska.