“It-tfal fis-Sirja jafu ħoss ikunx ta’ rokit, bomba jew bullit” – Sr Annie

Soru Kristjana li rrakkuntat diversi stejjer dwar l-esperjenza tagħha fis-Sirja turi li hemm fattur komuni bejniethom, li tant hu ċar li faċilment jaħrablek; li l-akbar biża’ li ċċarrat fil-konxju u l-inkonxju tal-poplu qiegħda fin-nukleu familjari, theddu li tkissru biċċiet.
Sr Annie Demerjian kienet qed titkellem ma’ Fr Joe Borg waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM, meta rrimarkat li ma kien hemm ebda Rebbiegħa Għarbija, iżda Rebbiegħa tad-Demm.
Hija tifforma parti mill-Kongregazzjoni tas-Sorijiet ta’ Ġesù u Marija, li twaqqfet oriġinarjament waqt ir-Rivoluzzjoni Franċiża, u fl-1983 fis-Sirja.
Dil-kongregazzjoni tieħu ħsieb l-edukazzjoni tat-tfal b’kull mod possibbli, fi skejjel primarji u sekondarji, universitajiet. Qalet li l-fus ewlieni tal-għaqda hu t-tagħlim ta’ Kristu, għax jekk tgħallmu lit-tfal ikun hawn dinja aħjar, qalet Sr Annie, li hi Sirjana minn Damasku.
Il-firdiet reliġjużi issa qed nisimgħuhom
Is-soru ħin minnhom kienet mistoqsija tikkummenta dwar l-idea li l-isqfijiet u l-Knisja fis-Sirja mhumiex kontra l-President Bashar al-Assad, u li l-istampa li l-Punent ipinġi tas-sitwazzjoni fis-Sirja u l-President tagħha huma differenti minn dak li jiġri realment.
Hawnhekk Sr Anne qablet mal-intervistatur, u żiedet tgħid li l-maġġoranza tal-Kristjani u l-Musulmani jridu lil Assad, anzi l-Isqfijiet Kattoliċi fis-Sirja qed jagħmlu ħilithom biex juru kultant il-qerq tal-midja tal-pajjiżi tal-Punent dwar is-sitwazzjoni.
Is-Sirja ilha għaddejja minn gwerra, li wħud jgħidu li hi waħda ċivili u oħrajn imeruhom, mill-2011.
Is-soru qalet li l-firdiet reliġjużi u d-diskriminazzjoni ħadu imbuttatura mindu bdiet il-gwerra, u qabel dan kulħadd kien jgħix fis-sliem, Musulmani Sunni u Xiti, u Kristjani.
“M’hemmx kliem għal din it-traġedja”
Is-soru għaddiet biex tirrakkonta xi stejjer milli tesperjenza kuljum, u qalet li m’hemmx kliem li jisiltu b’mod imqar ftit ċar it-traġedja tan-nies fis-Sirja.
“Għandek familji li jmorru jiġru bit-tfal tagħhom fl-iskejjel biex jiskapulaw il-bombi, uħud jirnexxilhom, oħrajn le…tfal li jafu bl-amment il-ħoss ikunx ta’ rokit, bomba jew bullit”, żiedet is-soru.
Qalet li prattikament kull familja għandha storja x’tirrakkonta dwar xi għażiż jew għażiża li serqitilhom il-gwerra, u kulħadd f’Aleppo għandu xi ħaġa nieqsa minn ġismu, min bla id, bla sieq, bla widna jew b’xi mkien imtajjar.
Tkellmet dwar familja li l-missier tant beka l-mewt ta’ wliedu bil-gwerra li tilef għajnejh.
U l-gwerra laqtet lil kulħadd, tkompli s-soru, minn foqra li pattew b’ħajjithom sa miljunarji li tilfu kulma kellhom.
Enfsizzat li minn dan kollu xejn ma jkun irrappurtat fil-midja.
Xorta temmen li Alla qiegħed xi mkien, minkejja kollox
Sr Annie Demerjian kienet mistoqsija x’tagħmel b’Alla wara dan l-uġigħ kollu li tara, u hawnhekk wieġbet li trid tibqa’ tememn u tħoss li Alla qed jimxi miegħek, qed jiżvina miegħek, inkella titlef kollox.
Temmet tgħid li qatt ma tista’ tgħid li temmen f’Alla li hu ħanin, meta bl-istess skuża tiegħu toqtol lil ħuk.