Fis-sajf tistremmex, fix-xitwa tinnerdja…jekk mhux salottier!

Kull sena ma tħallix biss memorji warajha, imma kliem u frażijiet ġodda wkoll.
Il-kliem ġdid bil-Malti li joħroġ fl-ewwel tas-sena mill-paġna Kelma Kelma fuq Facebook immexxija minn Dr Michael Spagnol, qed ikunu mistennija, imma ma jonqosx li joħolqu reazzjonijiet ta’ kull xorta.
Il-kliem tal-2015 hu dan:
Arjurant: Xi ħadd injorant daqs seba' mija, ħmar mill-kbar nett, baħnan, imbeċilli, stupidu, ġidra u hu xorta; għandek ħuk veru arjurant! tkunx arjurant!
Tinstagramma: Ittella' skoss ritratti fuq instagram wara li tkun imlejthom filters u hashtags ma jispiċċaw qatt; oħtok tinstagramma kull ħaġa li tiekol, ħanina dinja
Wiċċinu: Stampa ta' wiċċ diġitali li jesprimi xi idea, ħsieb jew emozzjoni; fost il-wiċċini l-aktar magħrufa hemm:
·         tbissimu 🙂
·         għemżu 😉
·         ilsienu :p
·         geddumu 🙁 
·         qabżitlu :-@
Tistremmex: Tistrieħ u tixxemmex; tintefa' a la xanxè tilgħaq ix-xemx b'xi bott birra f'idejk#‎ħallihiħabbat #‎melażikksurkappillan
Tinnerdja: Tinqafel ġewwa s-Sibt filgħaxija għax taf li l-uniku ħwejjeġ li se tgħannaq se jkunu l-kotba u li l-uniku xufftejn li se tbus se jkunu tal-kikkri kafè li se tniżżel waħda wara l-oħra biex tipprova żżomm imqajjem
Salottier: Min għal kull ħaġa ta' xejn jidħol f'the salott u jarma jeqred għax il-ġar ipparkja quddiemu, għax ilu l-isbaħ kwarta maqbud fit-traffiku, l-internet slowjalu, il-kelb għatas darbtejn, jew għax m'għandux ħila jidħol fis-sit tal-lidl biex jara hux miftuħ
Il-kliem tal-2014 kien bjondata, warazza, tistessja, nisatur, borrinu, kejkina, xorbgażmu, logħoburist, fottifesti, tissajfaġġja u titbarmel.
Fl-2013, kellna  tippapra, titmazzazz, stessu, sakrangħas, tillajkja, tiffrejpja, titmandar, andropawża, movembru, splodut, sapjosesswali, nomofobija, għalabibiżmu. 
X'taħseb li se jkun il-kliem il-ġdid tal-2016?
Illustrazzjoni: Glenn Ellul